Intalbet l-implimentazzjoni ta’ politika li tħares id-drittijiet tal-annimali, b’mod partikolai dawk li kapaċi jinżammu bħala pets, waqt Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew. Dan bil-preżentazzjoni ta’ Memorandum mill-Eurogroup for Animals il-Ġimgħa filgħaxija.
Waqt il-konferenza Rights of the Voiceless organizzata mill-Ewroparlamentari Marlene Mizzi, fejn saret il-preżentazzjoni, kien innutat li l-Unjoni Ewropea lesta turi appoġġ kbir lejn pajjiżna biex jaddotta proċess aħjar għall-protezzjoni tal-annimali kollha. Ħlejjaq li għalkemm ibagħtu daqs l-umani ma għandhomx mezz biex isemmgħu leħinhom u jitolbu l-għajnuna.
Il-Memorandum intlaqa tajjeb mill-Gvern Malti, li wiegħed li se jkompli jibni fuq Presidenzi preċedenti f’dan il-qasam. Dan billi fost oħrajn iniedi inizjattivi ġodda biex jissolvew kwistjonijiet marbuta mal-annimali eżotiċi li jinżammu jew jinbiegħu fi djar privati.
L-Ewro Parlamentari Marlene Mizzi qalet li wasal iż-żmien li dak li jkun ma jibqax iħares lejn l-annimali bħala magni tal-flus jew tal-ikel, jew biex jintużaw sempliċiment għal skopijiet xjentifiċi.
Is-Segretarju Parlamentari Rodrick Galdes qal li l-Gvern lest li jaħdem mal-entitajiet kollha għall-ħarsien tal-protezzjoni tal-annimali. Fakkar kif diġa nħolqu inizjattivi biex ikunu indirizzati l-problemi li jaffaċċjaw dawn il-ħlejjaq, fosthom it-twaqqif taċ-ċirku, servizz ta’ ambulanza għall-annimali u spetturi biex jinfurzaw l-Att Dwar il-Ħarsien tal-Annimali.