Il-Konkatidral ta’ San Ġwann ilbieraħ kien miżgħud b’familji Maltin u Għawdxin li, flimkien mat-turisti, tpaxxew bil-ġmiel tal-arti u l-istorja magħġuna flimkien.
Qed nitkellmu dwar il-wirja ‘A Gift of Glory’, li saħħret lil kull min żarha; wirja ta’ sett ta’ 29 arazz, ilkoll kemm huma reliġjużi, li huma maqsumin f’erba’ sezzjonijiet: 6 li jirrapreżentaw il-ħajja ta’ Kristu, 6 allegoriji li jirrappreżentaw simboliżmu li huma wkoll r-rappreżentanza tal-qawwa u t-trijonf tar-Reliġjon u l-Ewkaristija.
Fost dawn l-arazzi, li kienu nħadmu fl-era Barokka fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, hemm 3 li juruna l-Lunzjata, l-erba’ evanġelisti u l-Granmastru Perellos, li kien ikkummissjona li jsir dan ix-xogħol.
It-tnax-il appostlu, li huma monokromatiċi, jinsabu fuq il-pilastri. Hemm ukoll arazz li juri lil Kristu u ieħor lill-Madonna. Kull arazz mill-kbar jiżen bejn 80 u 120 kilogramma. Dawn l-arazzi huma magħmulin mill-ħarir u s-suf. Meta jintrefgħu, huwa mportanti li jinżammu mremblin u mhux mitwija. Minħabba li għandhom mat-320 sena, il-ħarir li jista’ jfaqqa’, jinqasam jew jiżżarat faċilment.
Tonio Mallia, il-Kap Eżekuttiv tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, qalilna għaliex intgħażlet it-tema ‘Gift of Glory’.
“Kull granmastru, meta kien jiġi elett bħala granmastru, kien jagħti rigal lil dan il-Konkatidral ta’ San Ġwann, li kien il-Katidral Konventwali tal-Kavallieri. ‘Gift of Glory’ għax il-Granmastru Perellos, meta ġie elett Granmastru, ta din il-ġojja ta’ arazzi lill-Katidral.’
Tonio Mallia