Patri Mark Montebello magħruf għall-kitbiet tiegħu ġie ċċensurat u mwiddeb mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi li kemm il-darba jagħti intervisti, jikkummenta jew jikteb xi artiklu huwa jitlef is-saċerdozju tiegħu.
Dan joħroġ minn artiklu ppubblikat il-Ħadd filgħodu fil-gazzetta it-Torca li għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena u ta’ kull nhar ta’ Ħadd ippubblikat il-ħsibijiet tiegħu dwar bosta temi.
Iżda mhux hekk ġara dalgħodu. Il-paġna li ssoltu ġġorr il-kolonna popolari tiegħu kienet badja karti, ħlief għal kelma, “Ċensurat”.
Dan l-aħħar ikkritika lill-Knisja f’Malta għall-istrateġija, għalih żbaljata, ta’ kif qed tiġġieled il-kwistjoni tal-emendi tal-liġi tal-IVF.
It-Torċa sostniet li t-theddida u ċ-ċensura fuq Patri Mark ġiet wasslet b’reazzjoni għal din il-kritika.
B’reazzjoni, One News staqsa lill-Arċidjoċesi ta’ Malta
jekk id-deċiżjoni ħariġtx mill-Kurja jew mis-Superjuri ta’ Patri Marka fl-Ordni Dumnikana u jekk din id-deċiżjoni hix theddida għal-libertà tal-espressjoni.
Fit-tweġiba tagħha, il-Kurja tal-Arċisqof qalet li mhix infurmata dwar l-ordni li ngħata Patri biex ma jesprimix fehemtu jew inkella jitneżża minn patri.
F’editorjal tagħha, il-gazzetta t-Torca tinnota li hawn ħafna li jipprietkaw dwar il-libertà tal-espressjoni iżda imbagħad huma stess huma intolleranti lejn kummenti li jkunu kontra l-argumenti tagħhom.
“Dak li esprima Patri Mark Montebello, speċjalment dwar il-kwistjoni tal-liġi tal-IVF, qed jesprimuh eluf ta’ persuni Maltin”, żiedet tgħid it-Torċa.
Dan filwaqt li l-istess editorjali fisser it-theddida u ċ-ċensura fuq Patri Mark Montebello bħala xi ħaġa serja għad-demokrazija ta’ pajjiżna.
L-editur tat-Torċa jisħaq li f’dan kollu it-telliefa hija l-Knisja Kattolija li qed titlef vuċi importanti bħalma hi ta’ Patri Mark Montebello.
L-editorjal tal-gazzetta itemm jagħmel osservazzjoni ta’ min wieħed jixtarr.
L-editur isaqsi jekk il-Knisja Kattolika taqbilx mal-Artiklu għaxra tal-Konvenzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem li jitkellem ċar dwar id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Hawnhekk l-editur jisħaq li huwa inutli li l-Knisja titkellem fuq id-drittijiet tal-bniedem jekk wieħed fi ħdanha għamlulu s-sarima ma’ ħalqu.
Intant kienu bosta li kkummentaw dwar it-theddida u ċ-ċensura li sofra Patri Mark Montebello.
Sostnew li filwaqt li lil Patri Mark Montebello jridu jagħlqulu ħalqu lil membri oħra tal-Kleru, li saħansitra servew ta’ konsulenti ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti ma għamlulhomx l-istess.