Patri Mark Montebello mhux biss ġie ċċensurat mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi milli jikteb fil-gazzetti, iżda wkoll twaqqaf milli jesprimi ħsibijietu fuq il-mezzi soċjali fosthom Facebook u Twitter.
Il-Ħadd li għadda l-gazzetta it-Torċa ma ppubblikatx l-opinjoni tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd wara li rċieva ordni mill-Provinċja tal-Ordni Dumnikani biex iwaqqaf kitbietu.
Fin-nuqqas ta’ dan huwa ġie mhedded li jitneżża’ mis-saċerdozju.
Id-deċiżjoni mill-Ordni Dumnikana wasslet ftit tal-jiem wara li Patri Mark kellu kliem iebes fil-konfront tal-Knisja f’Malta dwar il-pożizzjoni li ħadet kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF. Liġi li se tagħti opportunità akbar lill-persuni jsiru ġenituri.
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet minn ONE NEWS, il-Kurja tal-Ariċisqof qalet li ma kinitx informata bid-deċiżjoni li tiċċensura lill-Patri Mark.
Wara barax ta’ kritika fil-mezzi soċjali, fi stqarrija, il-Knisja qalet li l-Arċisqof Charles Scicluna ħareġ bi proposta għal soluzzjoni biex Patri Mark ikompli jkun jista’ jkompli b’kitbietu b’rispett sħiħ lejn l-impenn tiegħu ta’ saċerdot reliġjuż u b’lealtà sħiħa lejn it-tagħlim tal-Knisja.
Madankollu One.com.mt jinsab informat li sal-lum għadha ma saret l-ebda komunikazzjoni ma’ Patri Mark.
Sorsi fi ħdan l-Ordni sostnew li għalkemm il-patrijiet jaqgħu taħt is-superjuri tagħhom, huwa fatt magħruf, li l-Arċidjoċesi ta’ Malta xorta waħda għandha komunikazzjoni diretta mal-Provinċjali rispettivi ta’ Ordnijiet f’Malta tant li mhux l-ewwel darba li ġibdet l-attenzjoni tas-superjuri dwar kwistjonijiet jaħarqu.
Intant f’kumment lil The Times, Patri Mark Montebello qal li kien se jimxi b’mod assolut mal-ordni li ngħata u saħaq li din kienet qiegħda taffettwa b’mod enormi d-dritt tiegħu tal-espressjoni.
Huwa żied jgħid li bid-deċiżjoni meħuda lanqas biss jista’ jikkummenta fuq Facebook u anqas fuq Twitter. Lill-ġurnalist, Patri Mark Montebello qallu li jista’ biss ikellmu kif kien jagħmel propju dak il-ħin.