Tħabbru r-rebbieħa ta’ Premju Anzjanità Attiva 2019 fis-serata finali ta’ dan il-premju prestiġjuż imtella’ mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta George Vella.
Għal din l-edizzjoni ta’ dan il-premju daħlu rekord ta’ nominazzjonijiet, b’total ta’ 94 persuna nominata.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li dan ir-rekord hu proprju ċertifikat ħaj tal-anzjanità attiva fis-soċjetà tagħna u turija ta’ kemm il-politika tagħna qed tħalli l-frott mixtieq. Semma li l-ħidma tas-segretarjat parlamentari tħares lejn l-anzjanità attiva b’mod ħolistiku. Is-Segretarju Parlamentari sostna li “dan kollu jiżgura li l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tkompli tissaħħaħ għax verament nemmnu fid-dinjità tal-anzjani tagħna”.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis żied f’din il-ġimgħa dedikata lill-anzjani tnedew diversi inizjattivi li jkomplu jsaħħu l-anzjanità attiva u s-solidarjetà interġenerazzjonali. Premju Anzjanità Attiva hu l-qofol ta’ dan kollu għax jirrikonoxxi lil dawk l-anzjani, persuni oħra u organizzazzjonijiet li jaħdmu sabiex il-prinċipju tal-anzjanità attiva jkompli jissaħħaħ u l-benefiċċji li ġġib magħha l-anzjanità attiva jitgawdew mis-soċjetà kollha.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-bord tal-għażla magħmul minn Alex Gobey, Carmel Sammut, Karen Muscat, u Ronald Zaffarese, u mmexxi mill-Professur Carmel Borg.
F’diskors qasir tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis tal-istedina u ħa l-opportunità biex isellem lis-segretarju parlamentari għall-ħidma li qed iwettaq fost l-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Il-President qal li jieħu gost jara l-passi li qed jittieħdu sabiex tittaffa s-solitudni li taħkem lil xi uħud speċjalment dawk li jħossu n-nuqqas tal-familja matul il-ġurnata, u rrefera għall-attivitajiet sfieqa organizzati fiċ-ċentri ta’ matul il-jum immexxija mill-Anzjanità Attiva u mill-Kura il-Komunità.
Il-President George Vella temm id-diskors tiegħu billi feraħ lill-anzjani rebbieħa fis-serata tal-bieraħ filgħaxija u raddilhom ħajr f’isem il-poplu Malti għall-kontribut siewi li jagħtu lis-soċjetà Maltija.
Ir-rebbieħa tal-Premju Anzjanità Attiva 2019 huma:
Premju Anzjanità Attiva: Patri Dijonisju Mintoff
Premju Koppja Miżżewġa: Nikol u Mary Baldacchino
Premju Anzjanità Akkademika: Paul P. Borg u Professur Stanley Fiorini
Premju Anzjanità Sportiva: John Magri
Premju Mudell Ideali: Maestro Paul Abela
Premju Anzjanità Kulturali: Freddie Portelli
Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali: Special Olympics Malta
Premju Life Time Achievement: Anġlu Fenech u Maria Camilleri