Fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far ittella’ riċeviment ċkejken għal tfal ta’ immigranti li sfaw orfni fi triqthom lejn pajjiżna.
Dan l-istazzjon sab lil Partri Dijonisju Mintoff imdawwar biċ-ċkejknin, fl-istess post li ftit aktar min sena ilu, żaru l-Papa Franġisku.
Fil-fatt, wara r-riċeviment, dan l-istazzjon ra wkoll kwadru tal-ittra li kien bagħat il-Papa Franġisku lil Dijonisju Mintoff, wara li kien iltaqa’ miegħu f’Malta, fejn fost l-oħrajn irringrazzjah u faħħru tax-xogħol li jwettaq permezz tal-Laboratorju tal-Paċi.
Patri Dijonisju nnifsu spjegalna kif uħud mill-ġenituri tat-tfal spiċċaw għerqu bid-dgħajsa hekk kif it-tentattivi tas-salvataġġ ħadu ħsieb l-ewwel lit-tfal.
Huwa tkellem magħna dwar l-importanza tal-omm, li sfortunatament dawn it-tfal m’għandhomx il-privileġġ li jgawdu.
Qal, “Ma jiftakru xejn u ma jafu xejn. Imqarbin bħall-oħrajn għax Alla ħalaqhom b’saħħithom u b’saħħithom ħafna, għadhom iħobbuhom lil ommhom u lil missierhom imma ma jafuhiex. Meta taf li għandek ommok imma ma tafhiex kbira għax mifrud mill-aktar ħaġa għażiża li għandek fid-dinja.”
Patri Dijonisju għadda wkoll il-messaġġ tiegħu għal dan il-Milied.
Stqarr, “Il-messaġġ tiegħi hu wieħed biss; tbissem lil xi ħadd, tkellem ma’ xi ħadd, ikteb ittra lil xi ħadd, ċempel telefonata lil xi ħadd, agħti xi ħaġa lil xi ħadd, aqsam ma’ ħaddieħor, ferraħ daqsxejn lil ħaddieħor.”
Dijonisju Mintoff temm jappella biex għal dan il-Milied ma jingħatawx affarijiet materjali, b’mod partikolari ġugarelli għat-tfal li jużawhom għal ftit tal-ħin biss. Iżda apella biex wieħed jaqsam xi esperjenza; li tibqa’ għal dejjem.