Twieled fil-Birgu fl-elf disa’ mija wieħed u sittin, u ta’ sebgħa u għoxrin sena ġie ordnat qassis fi ħdan il-komunità Karmelitana. Snin wara ħakmitu kundizzjoni rari li tolqot lil persuna waħda biss minn kull elfejn u ħames mija. Kundizzjoni li tmewwet is-saħħa fis-saqajn u fil-bqija tas-sistema muskulari bil-kawża li wieħed ikollu juża siġġu tar-roti.
Qal li ‘’Nipprova mill-aħjar li nista’ imma dan ma jfissirx li ġieli ma nħossx dwejjaq fija imma, trid taċċetta lilek innifsek kif inti imbagħad trid taċċetta r-rieda t’Alla…għax inutli jiena bħala patri mmur ngħidilhom ‘isma’ aċċettaw ir-rieda t’Alla mbagħad nitlef il-fidi jien.’’Minkejja l-isfidi li Father Hermann affaċċja fil-ħmistax il-sena li ilu jbati minn din il-kundjizzjoni, xejn ma qatalu qalbu, u kompla bil-missjoni li tah il-Mulej permezz tas-saċerdozju.
Huwa jqaddes regolarment, serva ta’ counsellour f’numru ta’ skejjel, kien direttur spiritwali għal bosta organizzazzjonijiet u anke saħansitra superjur tal-Komunità Karmelitana fil-Fgura.
Spjega li “Il-messaġġ li ħadd ma għandu jaqta’ qalbu u kulħadd għandu x’jagħti lis-soċjetá; min bil-kitba min bil-ħsieb, min b’xi azzjoni…kulħadd jista’jgħin u bl-għajnuna…għax aħna ħolqa waħda…min ipitter, min, min jikteb…allura meta nagħmlu hell nagħmlu kuraġġ lil xulxin.’’
Il-Provinċjal tal-Karmelitani Fr. Joseph Saliba, bi tbissima nnota li Fr. Herman huwa ta’ kuraġġ għalihom ukoll.
Saliba qal li ‘’U Father Hermann, hekk il-ħeġġa tiegħu li minkejja kollox, minkejja d-diżabbilita’ tiegħu baqa’ attiv u għadu attiv ħafna’’
F’Diċembru tas-sena l-oħra, Fr. Hemrann ġie nnominat għall-Premju Soċjetà Ġusta bħala rikonoxximent għall-għarfien li jqajjem fuq is-saħħa tal-bniedem u anke l-kuraġġ kbir li jwassal għand dawk kollha li f’ħajjithom għaddejjin minn sofferenzi.
Fr. Hermann jgħin ukoll lil ħafna nies li jmorru jitkellmu miegħu fil-Kunvent tal-Karmelitani fil-Balluta fejn jgħix mal-komunità Karmelitana.