Passio Domini, il-Passjoni tal-Mulej hija wirja li tiġbor kollox f’dan iż-żmien Solenni Ii fih infakkru l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Din il-wirja tixhed l-imħabba t’Alla lejna l-bnedmin fejn żgur li ma setax jurina iktar biċ-ċar l-imħabba infinita Tiegħu, billi jgħaddi minn Passjoni ħarxa li waslitU sal Mewt fuq is-Salib.
F’din il-Wirja wieħed isib is-Sepulkru, mejda tal-appostli fuq stil Lhudi u żewġ settijiet ta’ Vari, fejn wieħed jikkonsisti f’sett tradizzjonali ta’ 8 vari, xogħol l-istatwarju mill-Isla John Massa. Insibu wkoll għadd ta’ simboli marbuta mal-passjoni. Insibu wkoll xi pitturi, kopja tal-liżar ta’ Kristu, standardi u slaleb tal-Fratellanzi.
Attrazzjoni f’din il-wirja huwa musmar awtentiku, replika miġjub f’Malta fl-1959 mill-Bażilika tas-Salib, fl-Art Imqaddsa, f’Ġerusalemm.
Tkellimna ma’ Raymond Aguis Attard dwar ir-restawr estensiv li beda minn din is-sena fuq l-istatwi tiegħu.
“Il-vari huma għandi kważi 25 sena, u qatt ma dorthom, qatt ma missejthom. Din is-sena ħassejt il-bżonn li ndurhom dawra. Dan barra li fil-Paroċċa tal-Isla, għax tajjeb ngħidu li huma bbażatti fuq tal-Isla, qed induru is-sett tal-vari, qed isirilhom restawr estensiv u jien qed nimxi fuq ir-restawr li qed isir, jiġifieri jekk qed jinbidel kulur partikolari jien qed nibdlu wkoll biex jiġi awtentiku pariġġ is-sett originali. ”