Inċident tat-traffiku seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-5.30 a.m fi Triq Sant’ Andrija, Swieqi.
F’dan l-inċident Taljan ta’ 29 sena kien qed isuq vettura tat-tip BMW, meta għal xi raġuni huwa tilef il-kontrol tal-vettura bil-konsegwenza li nqaleb. Miegħu kellu passiġġiera żewġ Taljani ta’ 29 u 37 sena.
It-tlett persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika, fejn filwaqt li l-passiġġier ta’ 29 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief, il-passiġġier ta’ 37 sena, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. Il-kundizzjoni medika tax-xufier għadha mhux magħrufa.
Il-Pulizija ta’ San Ġiljan qed jinvestigaw il-każ.