Tfajla ta’ erbgħa u għoxrin sena min-Naxxar li kienet passiġġiera f’karozza nvoluta f’inċident tat-traffiku dalgħodu, weġġgħet serjament.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-sitta fi Triq in-Naxxar fil-Għargħur, meta seħħet ħabta bejn Mercedes misjuqa minn Niġerjan ta’ tlieta u għoxrin sena li jgħix is-Swieqi u Mercedes oħra li kienet qed tinstaq minn mara ta’ tmienja u għoxrin sena mill-Iklin.
Fl-ewwel vettura kien hemm it-tfajla t’erbgħa u għoxrin sena min-Naxxar passiġġiera.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza, li ħadet lit-tfajla u lin-Niġerjan l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Il-passiġġiera ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament u l-kundizzjoni tar-raġel hija waħda gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.