Passiġġiera ta’ 17-il sena weġġgħet gravi f’inċident tat-traffiku f’Għawdex.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-00:45 ta’ filgħodu fi Triq ir-Rabat, Marsalforn.
Wara investigazzjoni rriżulta li żagħżugħ ta’ 19-il sena mix-Xewkija tilef il-kontroll tal-karozza tat-tip Toyota Corsa u ħabat ma’ kontejner.
Miegħu kellu żewġ passiġġiera, waħda tfajla ta’ 16-il sena minn San Ġwann u oħra ta’ 17-il sena mill-Iklin.
Huma ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza fejn aktar tard it-tfajla ta’ 17-il sena ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi filwaqt li s-sewwieq u l-passiġġiera l-oħra weġġgħu ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.