Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, ippreżenta fuq il-mejda tal-Kamra rapport tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Dan wara investigazzjoni fuq allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet minn persuna b’rabta mal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali in konnessjoni ma’ tender dwar l-iskart.
Dan kien is-seba’ rapport li ressaq il-Ministru Bonnici fil-Parlament u qal li dan “għax il-gvern ta l-għodda din il-kummissjoni biex taħdem.” Bonnici fakkar kif fl-amministrazzjoni preċedenti din il-Kummissjoni tħalliet ma taħdimx. Il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni f’dan ir-rapport ikkonkludiet li filwaqt li ma jirriżultalhiex li għaddew xi flus, hija moralment konvinta li din il-persuna, li hija Jimmy Magro u li ilha taħdem mal-Assoċjazzjoni sa mill-1 ta’ Lulju 2007, talab il-flus meta tender kien għadu qed jiġi aġġudikat.
Jidher ukoll li l-każ ġara f’xi żmien bejn Lulju u Awwissu, 2014. Jirriżulta li f’nofs is-sena 2015 id-Direttur Ġenerali tal-Programmi ta’ Fondi mill-UE bagħat għall-investigazzjoni lid-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet (IAID) allegazzonijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali imwettqa mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fil-proċess ta’ xiri ta’ magna li tagħmel il-kompost li kienet parti minn proġett imsejjaħ SCOW.
Bonnici qal li wara li saru l-investigazzjoniet kollha meħtieġa is-sejbiet inbagħtu lill-Avukat Ġenerali, skont kif titlob il-liġi li tirregola l-IAID, minħabba li nstabu nuqqasijiet li potenzjalment jistgħu jkunu kriminali fin-natura tagħhom. Kien spjegat kif f’Diċembru li għadda l-Avukat Ġenerali għadda l-każ lill-Economic Crimes Unit tal-Pulizija li min-naħa tagħhom bdew l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.
Matul l-investigazzjonijiet tal-IAID irrizultalhom ukoll allegazzjonijiet ta’ attentat ta’ korruzzjoni li l-IAID tat gwida biex jigu riferuti lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. “Issa li r-rapport ta’ din il-Kummissjoni tlesta u ġie ppreżentat il-Gvern se jkun qed jieħu l-passi kollha li jitolbu r-regolamenti tad-dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku b’seħħ immedjat,” qal il-Ministru Bonnici.