Rapport tal-GRECO, fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa nnota passi pożittivi li ħadu l-awtoritajiet Maltin fit-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
Fil-fatt ir-rapport tal-Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni ppubblikat illum, jirrimarka li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ppreseduta mill-President tar-Repubblika għandha f’idejha l-proċeduri għad-dixxiplina tal-membri tal-ġudikatura u li l-Parlament m’għadux involut fit-tneħħija ta’ ġudikant.
“GRECO takes note with satisfaction of the measures taken to strengthen the system of judicial independence and accountability by making the Commission for the Administration of Justice in charge of judicial discipline procedures and discontinuing the involvement of Parliament in the dismissal of judges.”
Ir-rapport tal-GRECO, isemmi t-taħriġ obbligatorju li jinkludi l-etika fost il-membri tal-ġudikatura u hawnhekk jingħad li Malta bdiet timplimenta din ir-rakkomandazzjoni.
Il-GRECO jsemmi wkoll l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li ħoloq dan il-Gvern u jinnota li sar progress fir-reviżjoni tal-kodiċi tal-etika għall-membri parlamentari.
Ir-rapport jgħid li l-abbozz tal-kodiċi tal-etika għad-deputati jindirizza bosta mir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Kunsill tal-Ewropa u għalhekk f’dan ir-rigward Malta qed timplimenta din ir-rakkomandazzjoni favur iżjed trasparenza u kontabilità.
“It notes the progress made with regards to reviewing the Code of Ethics for parliamentarians, which led to a new draft Code, tabled by the Parliamentary Commissioner of Standards before the Standing. The draft Code of Ethics appears to address most of the issues referred to in recommendation i.”
Fuq twitter il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis innota r-rapport tal-GRECO u qal li l-Gvern jibqa’ impenjat li jassigura li l-ġustizzja tibqa’ tkun aċċessibbli għal kulħadd u tibqa’ tkun effiċjenti.
Dan huwa t-tieni rapport pożittiv fuq Malta f’erbat ijiem maħruġ mill-Kunsill tal-Ewropa.
Nhar il-Ħamis li għadda, rapport tal-Moneyval qal li Malta għamlet progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
F’rapport li ġie ppubblikat minn sensiela ta’ rapporti oħra tal-Moneyval, jingħad li b’mod ġenerali, Malta laħqet il-kriterji stabbiliti mill-istituzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa wara għadd ta’ riformi mbuttati wkoll fl-aħħar xhur taħt l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela.