Fix-xhur li ġejjin se jinfetħu żewġt idjar oħra fil-komunita għall-persuni b’ diżabilità – waħda fin-Naxxar u oħra fil-Kalkara- b’hekk il-proġett Soċjeta Ħusta se jkun żewġ passi eqreb biex ikun komplut. Dan ħabbritu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana waqt l-ewwel sessjoni ta’ Gvern li Jisma’ mal-Ministru Helena Dalli li ġabet propju l-istess tema- dik ta’ “Soċjeta Ġusta”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anżjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità aċċennat dwar il-progress li sar f’ dawn iż-żewġ oqsma fl-aħħar erba’ snin.
Dwar il-problema ta’ waiting lists biex l-anzjani jidħlu f’ residenza tal-anzjani tal-Gvern, fakkret kif fil-bidu tal-leġislatura tal-Gvern, 60% tas-soddod f’dawn ir-residenzi kienu meħuda minn każijiet mhux ġenwini. Saħqet li minkejja li fl-2013 kien hemm min ilu sbatax-il sena fuq waiting list, issa din naqset biex ħadd m’ilu iktar minn sitt snin filwaqt li każijiet urġenti t’anżjani li ma jistgħux jibqgħu jgħixu waħedhom ma jistennew xejn.
F’ erba’ snin il-postijiet għall-anżjani żdiedu permezz ta’ arranġamenti bejn il-Gvern u l-privat u estenzjonijiet tar-residenzi tal-Gvern. Caruana ħabbret ukoll li l-Kumpless Rużar Briffa f’San Vincenz de Paul se jilqa’ 250 sodda oħra la jitlestew ix-xogħlijiet. Filwaqt li għamlet referenza wkoll għar-rekord ta’ swali rinovati kull xahar.
Dwar il-qasam ta’ persuni b’diżabilità s-Segretarju Parlamentari tkellmet dwar l-għajnuniet li qed jingħataw lill-persuni b’ diżabilità, kemm fi djarhom, fil-finanzi biex jinxtara l-apparat neċessarju u żieda fil-penzjoni u kif ukoll fit-taħriġ biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jgħixu ħajja iktar indipendenti.
Fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Mara il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli aċċennat fuq l-importanza li tingħata l-għodda kollha biex l-istatus tal-mara fis-soċjetà jilħaq maż-żminijet tal-lum. Għalhekk saħqet li taqbel mal-proposta tal-Prim Ministru li jkun hemm kwota għan-nisa fil-politika, filwaqt li kkritikat liġijiet arkajki li ma jippermettux ugwaljanza bejn is-sessi.
Fakkret kif passi tanġibbli li ħa l-Gvern biex ma jintilfux iktar nisa kompetenti milli jidħlu fid-dinja tax-xogħol minħabba responsabilitajiet tal-familja kienu c-child care centres b’xejn, il-family friendly measures u l-miżuri li ttieħdu biex titneħħa kull diskriminazzjoni meta wieħed jiġi biex jimpjega mara. lkoll miżuri li qed jgħinu lin-nisa jsiru ekonomikament indipendenti.