Is-Segretarjat Parlamentari għall-protezzjoni tal-konsumatur u Valletta 2018 qal li se jieħu passi legali kollha possibbli biex jitwaqqaf ir-rimi ta’ skart f’bosta lokalitajiet.
Fi stqarrija ntqal li fid-dawl ta’ rapporti fuq il-media soċjali dwar skart f’Bormla, fil-Belt Valletta u f’lokalitajiet oħra, id-Direttorat tat-Tindif ingħata struzzjonijiet ċari biex l-inġustizzja u x-xkiel li qed isofru r-residenti tal-inħawi jiġu indirizzati u jittieħdu passi skont il-liġi.
“Dawn l-abbużi mhux se jibqgħu jkunu tollerati u fil-ġimgħat li ġejjin is-Segretarjat se jieħu l-miżuri legali kollha biex dawn l-abbużi jieqfu, permezz ta’ gwardjan għall-ambjent għar-residenti, għat-turisti u għas-sidien tan-negozju,” qal is-Segretarjat.