Fil-Parlament Ewropew illum ġew approvati passi konkreti biex jipprevjenu r-repetizzjoni ta’ ‘Dieselgate’, u biex ikun hemm kumpens xieraq għall-konsumaturi Ewropej affettwati.
Il-voti ttieħdu wara li ġie diskuss ir-rapport finali tal-Kumitat t’inkjesta fuq l-emissjonijiet tal-vetturi (EMIS), li tiegħu Miriam Dalli hi membru, kif ukoll il-leġiżlazzjoni magħrufa bħala Type Approval li tarmonizza r-regolamenti fuq vetturi li huma approvati fl-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu kriterji ta’ sigurtà u ambjentali fost oħrajn. Dalli kienet il-kelliema ewlenija tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq din il-leġislazzjoni fil-Kumitat tal-Ambjent.
Ir-rapport finali tal-EMIS jippreżenta evidenza li turi biċ-ċar li Dieselgate seta’ jiġi evitat kieku l-iStati Membri u l-Kummissjoni Ewropea aġixxew skont ir-responsabiltajiet legali u amministrattivi tagħhom.
‘F’dan il-kuntest imbuttajna għal miżuri konkreti li jwasslu għal sorveljanza aktar stretta kif ukoll għal kumpens xieraq għall-konsumaturi. Din kienet opportunità biex tiġi ndirizzata liġi li kellha diversi lakuni legali għad-detriment tal-ambjent, tal-konsumaturi Ewropej u s-saħħa taċ-ċittadini tagħna. B’dan it-tibdil fil-liġi ikun evitat skandlu ieħor simili fil-futur. Il-Parlament Ewropew ivvota favur dan it-tibdil illum,’ qalet l-MEP Maltija.
‘Bħala MEPs tal-S&D tlabna wkoll biex jiġu mħarsa l-konsumaturi tal-karozzi, wara li l-Volkswagen laħqet ftehim ta’ €9.4 biljun kumpens għall-konsumaturi Amerikani iżda qed jirrifjutaw ftehim simili ma’ dawk Ewropej. Dan ma kienx aċċettabli,’ żiedet tgħid Dr Dalli.
‘Fir-realtà l-volum tal-vetturi tagħna se jkompli jiżdied, iżda dan m’għandux jiġi għad-detriment tal-ambjent u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Ir-riforma hi meħtieġa b’mod urġenti biex tneħħi darba għal dejjem lakuni legali li kienu jmorru kontra l-iskop tal-istess liġi,’ temmet tgħid Miriam Dalli.
Dalli kienet ukoll waħda mill-MEPs li kienet favur it-twaqqif ta’ aġenzija indipendenti, bl-għan li tinvestiga lmenti kontra manifatturi tal-karozzi li ma josservawx il-liġijiet. Madankollu din il-proposta ma ġabitx l-appoġġ tal-maġġoranza fil-vot tal-lum.
L-iskandlu ‘Dieselgate’ ra l-kumpanija Ġermaniża Volkswagen tammetti li intenzjonalment, immanifatturat karozzi li jattivaw il-kontrolli ta’ emissjonijiet waqt l-ittestjar fil-laboratorju, b’konsegwenza li meta l-karozzi jkunu fit-toroq, il-livell ta’ emissjonijiet ikun ħafna aktar għola. Hu stmat li dan l-iskandlu nvolva madwar 11-il miljun karozza mibjugħa fis-suq internazzjonali bejn l-2009 u l-2015.