L-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji kollha se jibda jkollhom l-opportunità, flimkien ma’ żewġ adulti, li jżuru l-mużewijiet u siti storiċi ta’ Heritage Malta b’xejn.
Dan se jsir permezz ta’ card u passaport, maħruġa minn Heritage Malta, għall-istudenti kollha. L-istudenti se jingħataw il-card mill-iskola, u l-passaport jista’ jinġabar fl-ewwel żjara f’sit jew mużew ta’ Heritage Malta.
Wara ċertu numru ta’ żjarat, l-istudenti se jkollhom aċċess speċjali għal ċertu siti li rari jinfetħu għall-pubbliku. It-tnedija ta’ dan il-passaport speċjali saret fiċ-Ċentru għal Viżitaturi tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li l-passaport speċjali se jgħin lil bosta studenti jagħrfu l-istorja ta’ ġensna:
“Jittimbrawlek il-passaport. Ma’ kull numru ta’ żjarat, għax ejja ngħiduha kif inhi, Heritage Malta għandha siti li mhux miftuħa għall-pubbliku minħabba li għadhom qed jiġu studjati. It-tfal ukoll se jkollhom aċċess għal dawk jiġifieri ma’ kull numru ta’ siti li jżuru, se jkollhom aċċess anka għal dawn is-siti”.
Is-Sur Cutajar spjega kif din l-inizjattiva għandha l-għan biex tkabbar l-għarfien dwar l-istorja ta’ pajjiżna:
“Dan ikun ifisser ukoll li qed nagħtu inizjattiva, qed issir inizjattiva jien fil-fehma tiegħi waħda mill-isbaħ inizjattivi li saret, li permezz tagħha wieħed jista’ jagħraf iktar l-identità ta’ Malta, l-esperjenza ta’ Malta, l-istorja ta’ Malta. Inqajmu kuxjenza ikbar għal dak kollu li hu Malti”.
Fit-tnedija ta’ din l-iskema, il-Minitru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-proġett għandu tifsira importanti jekk jinbeda tajjeb u jitkompla tajjeb ħalli nagħmlu dawn il-postijiet aktar interessanti għat-tfal.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici sostna kif il-passaport se jippromwovi settur aktar inklussiv, fejn l-adulti permezz tat-tfal se jkabbru l-għarfien tal-wirt kulturali tagħhom.