Hekk kif l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa għaddej ġmielu, bosta kaċċaturi ma’ sbieħ il-jum, jerħulha lejn l-kampanja Maltija sabiex jiprattikaw il-passatemp tagħhom.
Passatemp li jirrikjedi l-paċenzja u l-istennija madankollu wieħed li jġib miegħu sodisfazzjon kbira.
Dan kien il-qofol ta’ dak li tkellmu magħna dwar Lucas Micallef u Lino Farrugia mill-FKNK, hekk kif crew ta’ ONE News qatta’ ftit sigħat magħhom sbieħ il-Ġimgħa filgħodu sabiex jsegwi l-andament tal-ġurnata ta’ kaċċatur.
Matul il-ħin li qattajna hemmhekk spikka s-silenzju u l-hena li tħaddan il-kampanja Maltija madankollu nnutajna wkoll nuqqas ta’ ħsejjes ta’ tiri għat-tajr tal-gamiem.
Dwar dan staqsejna lill-President tal-Federazzjoni Nassaba Kaċċaturi Konservazzjonisti Lucas Micallef.
“Il-passa għadha waħda li tista’ tgħid fqira, it-temp għadu mhux qed jippermetti li jkun hemm moviment tal-għasafar mill-kontinent tal-Ewropa li jkunu neżlin propju lejn l-Afrika.”
Micallef tkellem magħna wkoll dwar is-sistema ġdida elettronika li permezz tagħha l-kaċċaturi jridu jirrappurtaw il-qabda tagħhom.
“Illum il-ġurnata qed naraw li għandna kwota ta’ 500 gamiema li jistgħu jinqabdu barra minn hekk illum il-ġurnata fejn qabel konna li xħin taqbad l-ispeċi qabel ma titlaq id-dar trid tirrapporta dak li qbadt, illum x’ħin taqbad gamiema trid tirrappurtaha dak il-ħin permezz ta’ SMS jew anke applikazzjoni li saret mill-Wild Bird Regulation Unit u kif ukoll jekk toħroġ għall-kaċċa u propju ma taqbad xejn trid tirraporta li ma qbadt xejn.”
Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia spjega kif l-istess federazzjoni qed tagħmel l-almu tagħha sabiex tibqa’ tinforma l-kaċċaturi dwar l-ispeċi ta’ għasafar differenti, fosthom il-gamiem.
“Din hija xi ħaġa volontarja madankollu hija parti mix-xogħol tagħna u l-istudji tagħna li qed nagħmlu apparti t-trobbija u tluq tal-gamiem u li llum qed narawhom bis-satteliti. Din hija parti mill-istudju tagħna biex kemm jista’ jkun malajr inġibu lura t-tradizzjoni tal-kaċċa tal-gamiem.”
Intant huwa temm jappella għar-rispett reċiproku bejn il-pubbliku u l-kaċċaturi ħalli dan il-passatemp, li huwa parti kbira mill-kultura ta’ pajjiżna jibqa’ jiġi sostnut.