Birdlife tgħid li mill-inqas 10 minn madwar 60 ajkla jispiċċaw fil-mira
L-għaqda Birdlife fi stqarrija qalet li passa eċċezzjonali ta’ ajkli rari minn fuq Malta fl-aħħar sigħat wasslet biex bejn ilbieraħ filgħaxija u dalgħodu diversi minn dawn l-għasafar protetti spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali fil-limiti tar-Rabat fejn ħafna minnhom fittxew kenn matul il-lejl.
Hu stmat li bejn wieħed u ieħor 60 Ajkla Bajda (Short-toed Eagle) u Ajkla tal-Kalzetti (Booted Eagles) ippruvaw ifittxu kenn f’Malta wara li qasmu minn Sqallija, li huwa rekord għal dan iż-żmien tas-sena.
L-ajkli li waslu fi qtajja’ l-ewwel ġew osservati fuq l-inħawi tal-Università ta’ Malta qabel it- 15:00, imbagħad inġabru fl-inħawi tar-Rabat qabel ma niżlu biex iqattgħu l-lejl fil-Girgenti, il- Fawwara, Ġebel Ciantar, is-Saqqajja and u l-inħawi tax-Xagħra tal-Isqof.
Birdlife kompliet tgħid li l-aħbar li kienu mistennija jpassu minn fuq Malta numru ta’ ajkli li kienu ġejjin minn Sqallija bdiet tiċċirkola kmieni lbieraħ waranofsinhar, bl-awtoritajiet tal-pulizija u l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) jiġu notifikati minn BirdLife Malta ftit qabel ma dehru l-ajkli.
Qalu li l-ewwel inċidenti seħħew qrib it-15:30 b’kaċċaturi jisparaw fuq żewġ ajkli f’Ħad-Dingli u ajkla oħra tlaqqat mill-inqas tmien tiri fuq l-inħawi tax-Xagħra tal-Isqof.
Dejjem skont Birdlife, aktar tard, mill-inqas żewġ ajkli oħra tniżżlu fl-istess inħawi b’dawn l-inċidenti kollha ġew rappurtati lill-pulizija biex tieħu azzjoni. Inċidenti oħra aktar tard filgħaxija kienu jinkludu tiri sparati lejn Ajkla tal-Kalzetti fuq il-wied ta’ Santa Katarina u l-każ ta’ ajkla oħra li tniżżlet qrib il-Fawwara. F’żewġ każi fejn l-ajkli dehru qed jitniżżlu l-pulizija baqgħet għaddejja bit-tiftix sa tard billejl imma mhux magħruf li kien hemm xi eżitu pożittiv.