Tnedija ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali biex tibda tirreġistra entitajiet li jipprovdu servizz u tiċċertifika applikazzjonijiet ta’ ‘blockchain’—“Pass viċin sabiex l-Awtorità tibda tirregola t-Teknoloġija DLT” –Silvio Schembri
L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali nediet proċess ta’ konsultazzjoni bl-għan li tibda tirreġistra entitajiet li jipprovdu servizz u tiċċertifika applikazzjonijiet ta’ blockchain.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-linji gwida se jsir f’erba’ fażijiet.
· L-ewwel dokument għall-konsultazzjoni li ġie ppubblikat illum huwa sett ta’ linji gwida għall-Awdituri tas-Sistemi. Dawn il-linji gwida jagħtu ħarsa lejn il-kriterji meħtieġa għal dawn il-persuni rreġistrati mal-Awtorità biex jagħmlu awditjar fuq applikazzjonijiet tal-blockchain.
· It-tieni dokument għall-konsultazzjoni huwa dwar linji gwida għall-Arranġamenti ta’ Teknoloġija Innovattiva li se jfassal il-kriterji biex ikunu ċċertifikati pjattaformi ta’ DLT uSmart Contracts.
· It-tielet dokument għall-konsultazzjoni jikkonsisti f’linji gwida għall-Amministraturi Tekniċi dwar kriterji għall-entità responsabbli sabiex iżżomm u tħares l-Arranġamenti għat-Teknoloġija biex tkun issalvagwardjata l-protezzjoni tal-utent.
· Fl-aħħar nett, ir-raba’ dokument għall-konsultazzjoni huwa dwar linji gwida għal Aġenti Residenzjali li jobbliga kumpanija u individwi li mhumiex residenti Maltin biex ikollhom persuna residenti Malta fl-operat tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li l-linji gwida għall-konsultazzjoni se jservu ta’ bażi biex mill-kliem ngħaddu għall-azzjoni sabiex ir-regolatur il-ġdid jibda jopera b’mod effettiv. “Bħala gvern lesti li nisimgħu l-opinjoni tal-pubbliku filwaqt li determinati li nsaħħu fuq dak li qed nippreżentaw fl-interess ta’ kulħadd.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali Stephen McCarty qal li l-linji gwida se joħolqu standards fl-industrija għal Awdituri tas-Sistemi, Amministraturi Tekniċi, Aġenti Residenzjali u għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Arranġamenti għal Teknoloġiji Innovattivi. “Mingħajr dubju l-introduzzjoni tal-linji gwida huwa pass ieħor kruċjali biex Malta ssir the blockchain island”, qal McCarty.
Permezz tal-proċess estensiv ta’ konsultazzjoni, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali se tkun qed tfittex ir-rispons għal kull kapitlu. Id-dokumenti huma aċċessibbli fuq www.mdia.gov.mt.
Ritratt: OPM_PS