Fuq inizjattiva tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti Carmelo Abela u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja Enzo Moavero Milanesi, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, li sar fl-aħħar jiem, inkluda diskussjoni fuq il-progress u l-iżviluppi ġodda li qed isiru fil-qasam tal-migrazzjoni. Flimkien mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-bloc kollu ġie maqbul li jiġu identifikati l-elementi kollha biex ikunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jinstabu f’dan il-qasam.
Fl-aġenda strateġika li ġiet addottata x-xahar li għadda, l-Kunsill Ewropew sejjaħ biex il-politika tal-migrazzjoni tibqa’ tiġi żviluppata.
F’kummenti, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti Carmelo Abela qal li dan kien pass pożittiv li Malta u l-Italja ħadmu flimkien biex fuq l-aġenda tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea kien hemm diskussjoni dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran u s-sitwazzjoni fil-Libja. Huwa nnota li: ” Ġie aċċettat li dan jiġi diskuss u irridu naraw li inkunu aktar effettivi fil-miri li għandna quddiemna u l-miri tagħna huma li l-immigrazzjoni irregolari tonqos u lis-sitwazzjoni fil-Libja tiġi indirizzata b’kull mod biex noqorbu biex il-Libja isir pajjiż li ma jibqax bil-problemi li bħalissa għaddej minnhom.”
Il-Ministru Abela kompla billi qal li : “Malta kienet fuq quddiem nett billi tkellimna fuq is-sitwazzjoni fil-Libja u li waħda għandna impatt fuq l-oħra. Is-sitwazzjoni preżenti fil-Libja għandha impatt ukoll fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran fejn tidhol l-immigrazzjoni. Tkellimna kif nistgħu insaħħu l-għodda li diġa teżisti u kif nistgħu intejbu il-ħidma tagħna flimkien bħala pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hekk kif l-immigrazzjoni hija issue mhux biss tal-pajjiżi tal-Mediterran iżda tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.”