Dan hu pass li konna ilna nistennewh mill-elfejn u sebgħa.
Hekk iddeskriva l-avviż legali tal-liċenzjar tal-kuntratturi, il-President tal-Kamra tal-Periti, André Pizzuto, l-għada li ddaħħal fis-seħħ biex għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna se jirregolarizza lis-settur.
Ma’ ONE News, Pizzuto spjega li dan l-avviż legali, id f’id mal-liġi tal-periti li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra, jawgura tajjeb għall-futur tal-industrija u fuqhom jistgħu jkunu msejsa riformi futuri fis-settur.
Huwa qal “Dan huwa pass li aħna konna ilna nistennew mill-elfejn u sebgħa, li tinħoloq sistema ta’ liċenzjar għall-kuntratturi, għax ħassejna li dak il-ħin li ħarġu l-pjanijiet lokali, kien neċessarju li tinħoloq din il-liċenzja biex ikun hemm persuni li jħossha r-responsabbiltà tax-xogħol aktar riskjuż li kien ħa jibda jsir.” 23
Il-liġi l-ġdida għandha l-għan li tobbliga lil kull kuntrattur li jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini, biex japplikaw għal liċenzja mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Il-President tal-Kamra tal-Periti saħaq li din il-liġi se ġġib bidla fil-mentalità.
Huwa kompla jgħid “Li ħa jiġri hija li ħa tibda tinbidel il-kultura l-ewwel għaliex ħa jkun hemm id-deterrent li dak li jkun jimxi issa mar-regolamenti li huma mfasslin apposta. Mal-liċenzja tal-kuntratturi, ġo fiha hemm kif jistgħu jitilfu l-liċenzja u ovvjament jekk jitilfuha ma jistgħux jibqgħu jaħdmu, so huma ħa jkollhom inċentiv biex isegwu r-regoli biex ma jitilfux il-liċenzja għax dawn ikunu jridu jibqgħu jaħdmu.”
Huwa kompla jispjega li eventwalment, mal-kultura ta’ aktar responsabbiltà, se jiżdiedu wkoll il-ħiliet meħtieġa minn dawk li jaħdmu fis-settur biex ix-xogħol ikun dejjem tal-ogħla livell.
Pizzuto qal li bħalma l-periti huma regolati b’avviż legali simili, hekk ukoll kellu jsir għall-kuntratturi, biex huma wkoll iħossu l-bżonn li jaħdmu bil-galbu.
Huwa qal “Min jaħdem bil-galbu diġà mhux se jħossha din għax diġà kien jaħdem sew. Li forsi ħa tolqot huma dawn li huma traskurati u t-tama hi li min hu traskurat, jew jibdel il-mod kif jaħdem jew jitlaq mill-industrija għax il-ħsara fir-reputazzjoni li għandha l-industrija ġejja partikolarment minn min ma jaħdimx bil-galbu.”