Bosta msieħba soċjali f’pajjiżna laqgħu bl-aktar mod pożittiv il-fatt li din il-ġimgħa l-Gvern ippubblika l-avviż legali li, permezz tiegħu, il-kuntratturi kollha li jaħdmu xogħlijiet ta’ twaqqigħ, skavar u bini jridu jkunu liċenzjati.
L-avviż legali ddaħħal fis-seħħ it-Tlieta, wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat din il-liċenzja l-ġimgħa l-oħra, se jwassal biex mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla jinfetħu l-applikazzjonijiet. Kuntratturi attwali għandhom sal-aħħar ta’ Ottubru biex japplikaw, inkella ma jkunux jistgħu jibqgħu joperaw wara dan il-perjodu.
Il-liċenzja finali se tibqa’ valida għal sentejn u wara trid terġa’ tiġġedded.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, filwaqt li ddeskriviet din il-liġi bħala mument importanti għal pajjiżna, qalet kif din se twassal biex ’il quddiem jibqa’ jkun hemm titjib u tisħiħ tas-settur.
“Huwa mument importanti ħafna għax hu bżonnjuż ħafna. Din se tkun qed tkopri l-bażi li kellna nuqqas fih Malta. Għandna dan il-gap li l-avviż legali qed jimla. Qed nitkellmu li wieħed irid jirreġistra, din hi l-ewwel fażi, jiġifieri din se jkollha fażijiet differenti fl-implimentazzjoni tagħha. Wieħed irid jirreġistra, jekk int se twaqqa’ l-bini, se tħaffer, jew tibni, int trid tkun irreġistrat. L-awtorità kompetenti se tara li inti taf tagħmlu dak ix-xogħol”.
Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMES
Hawnhekk ġie innotat kif, permezz ta’ dan kollu, se tiżdied is-serjetà fil-qasam tal-kostruzzjoni u anke se jwassal biex f’kull fażi ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jrid ikun hemm persuna bil-liċenzja li taf x’għandu jsir.
Dwar dan tkellimna wkoll ma’ Michael Cutajar mill-Għaqda tal-Bennejja u Kuntratturi Liċenzjati li wkoll innota r-rieda tal-Gvern li t-tisħiħ tal-industrija ma tiqafx ma’ din il-liġi l-ġdida, iżda tibqa’ ssir b’konsultazzjoni magħhom.
“Din il-liġi tant mistennija għalina hi kkunsidrata bħala l-ewwel pass għat-tisħiħ ta’ din l-industrija. Aħna wkoll grati li konna parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, fil-fatt hemm numru ta’ proposti li ressaqna aħna stess li ġew milqugħa u jifformaw parti minn din il-liġi. Lil hinn mil-liġi nemmnu li hemm bżonn ukoll ta’ tagħlim kontinwu biex verament intejbu l-industrija.”
Michael Cutajar, mill-Għaqda tal-Bennejja Liċenzjati
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ippjanar u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li din ir-riforma hi meħtieġa u maħsuba biex ikun hemm aktar responsabbiltà u serjetà fis-settur tal-kostruzzjoni.