“Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba”, hekk iddeskriviet ir-rapport imressaq mill-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba li għandu l-għan li jipprovdi d-dritt ta’ diskonnessjoni, il-General Workers Union.
Fi stqarrija l-GWU qalet li hi ilha tisħaq fuq l-iżvantaġġi li ġabet magħha d-diġitalizzazzjoni, fosthom billi l-ħin tax-xogħol żdied u l-ħaddiem sar dejjem aċċessibbli. Dan qed iħalli effetti negattivi fuq is-saħħa mentali tal-bniedem, kif ukoll ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-ħaddiema bħall-ħlas, is-saħħa u s-sigurtà u tnaqqis ta’ benefiċċji skont il-ftehim kollettiv.
Dan minkejja l-vantaġġi li għandha d-diġitalizzazzjoni, bħalma huma l-flessibbiltà fil-ħin tax-xogħol, teleworking, tnaqqis ta’ traffiku u tniġġis fl-arja u oħrajn.
Il-GWU qalet li l-pandemija tefgħet dawl kif id-dinja tax-xogħol tista’ tkun differenti minn dik tal-imgħoddi u għalhekk għandu jkun hemm liġi b’saħħitha biex ikunu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-unjin qalet li għal dan il-għan hija kellha diversi laqgħat mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba fejn elenkat dawk is-setturi li huma affettwati mid-diġitalizzazzjoni u kif dawn jintlaqtu minnha.
Il-GWU qalet li filwaqt li taqbel li l-ħaddiema kollha għandhom jużaw għodda elettroniċi, min iħaddem ma jistax jobbliga lill-impjegati tiegħu biex jibqgħu jaħdmu wara l-ħin tax-xogħol, pereżempju jaqraw l-emails. Filwaqt li l-ħaddiema għandhom jingħataw kumpens għal xogħol li jkun sara wara l-ħin tax-xogħol.
Il-GWU kompliet tgħid li min iħaddem għandu jispjega bil-miktub dwar id-dritt tad-diskonnessjoni lill-impjegati tiegħu.
Hija temmet tgħid li d-dettalji tal-leġizlazzjoni nazzjonali għandhom jiġu miftiehma u maqbula bejn l-imsieħba soċjali. Dan għandu jagħti dimensjoni akbar lir-rwol tal-imsieħba soċjali.