Pass ’il quddiem lejn it-titjib tal-ħiliet fl-industrija tal-konstruzzjoni.
Kien dan il-kliem li uża l-President tal-Kamra Maltija għall-Maniġment tal-Kostruzzjoni Jesmond Chetcuti, b’reazzjoni għar-regolamenti proposti mill-Gvern favur l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini.
Is-Sur Chetcuti qal li regolamenti proposti, li bħalissa għadej proċess ta’ konsultazzjoni dwarhom, huma ta’ bżonn biex ikun hemm aktar infurzar u responsabbiltà.
“Ir-regolazzjoni tal-kuntratturi hija waħda mill-prijoritajiet, għax jekk ma jkollokx il-kuntratturi li qed joperaw is-settur hemm barra li huma regolati kif suppost, mela allura l-affarjiet oħrajn ma jkunu jiswew xejn. Din hija pass pożittiv.”
Tal-istess fehma hija l-Kamra tal-Kummerċ, li wkoll laqgħet b’sodisfazzjon il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolamenti proposti għas-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, qalet lil One News li din ir-riforma se tkompli ssaħħaħ ir-regolamentazzjoni għas-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li żżid il-kwalità ta’ xogħlijiet.
“Ninsistu dwar l-importanza li kull min jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni jiġi liċenzjat u allura qed inħarsu lejn din il-proposta b’mod pożittiv – l-importanti li issir infurzar tajjeb tagħha”
Hija esprimiet is-sodisfazzjon għall-fatt li se jiddaħħlu wkoll multi għal dawk li jwebbsu rashom u li, f’ċerti ċirkostanzi, tista’ saħansitra tiġi revokata l-liċenzja.
“Importanti li, għal dawk li ma jimxux mal-liġi, importanti li, iva, jiġu mmultati, u iktar u iktar importanti li titteħdilhom il-liċenzja ħalli b’hekk ikunu qegħdin inkomplu nissettjaw prassi importanti li jkun hemm bżonn biex dan is-settur verament javvanza ’l quddiem u jimxi ’l quddiem kif hemm bżonn.”
Intant, il-President tal-Kamra Maltija għall-Maniġment tal-Kostruzzjoni faħħar il-fatt li, wara dan il-pass, se jittieħdu wkoll passi biex l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli tiġi rregolamentata.
“Eventwalment, wara l-liċenzja tal-kuntratturi, kif ikkonferma l-Ministru Zrinzo Azzopardi, wara se jkun imiss ir-regolazzjoni tal-ħaddiema fis-settur. Hemm faxxa ta’ ħaddiema li fil-preżent mhumiex regolarizzati, li prattikament lanqas jistgħu jindirizzaw l-upscaling tagħhom.”
Min-naħa tagħha, Marthese Portelli nnutat ukoll li, minkejja dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika nbeda biss ftit tal-jiem ilu, il-Gvern diġà għamel eżerċizzju ta’ djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali, anki qabel din il-pubblikazzjoni.
“Il-konsultazzjoni hija importanti ħafna. Li nista’ ngħid ukoll, bħala Kamra tal-Kummerċ, huwa li l-konsultazzjoni magħna dwar dan is-settur ma bdietx issa li d-dokument ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika, iżda kien hemm ukoll konsultazzjoni qabel. Naħseb li dan huwa l-mod ta’ kif għandna nkomplu naħdmu sabiex niżguraw li kull proposta li tkun qed titressaq tkun tajba.”
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika jagħlaq fil-21 ta’ April.