“L-isfidi li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħhom illum il-ġurnata fil-qasam tas-sigurtà wasslu biex l-Unjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid kif taġixxi fil-konfront ta’ tħassib dwar is-sigurtà u fejn għandha tiffoka l-enerġiji tagħha. Għalhekk, id-dħul fis-seħħ ta’ qafas legali ġdid għall-aġenzija tal-UE għall-infurzar tal-liġi, l-Europol, illum mhux biss huwa f’waqtu iżda wkoll kruċjali; huwa tabilħaqq pass ’il quddiem għall-ħidma tal-pulizija u għas-sigurtà fl-Ewropa,” qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela. Huwa kien qed jindirizza lill-membri tal-Bord tat-Tmexxija tal-Europol li ltaqgħu fil-Palazz tal-Granmastru, fil-Belt Valletta.
Il-Ministru Abela qal li l-Europol għamlet ħafna progress minn mindu nħolqot fl-1998. Tul is-snin, kellha rwol essenzjali biex ressqet lejn xulxin l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE u biex serviet ta’ pont sabiex jitwessgħu l-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi, aġenziji oħrajn, u partijiet interessati.
Huwa osserva li stampa tas-sitwazzjoni dejjem tinbidel tat-theddid eżistenti turina li n-netwerks kriminali u terroristiċi fuq skala kbira, kif ukoll l-ilpup solitarji, għadhom qed jippreżentaw theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għas-sikurezza u l-għajxien taċ-ċittadini Ewropej. Il-gruppi kriminali qegħdin ikunu dejjem aktar involuti f’aktar minn tip wieħed ta’ kriminalità u qed jaqsmu l-fruntieri bl-attivitajiet tagħhom. It-theddid għas-sigurtà m’għadux imxekkel mill-fruntieri ġeografiċi u rajna jseħħu għadd ta’ inċidenti inkwetanti li involvew aktar minn Stat Membru wieħed.
Dan, qal il-Ministru Abela, wassal għall-bżonn li l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jikkoperaw aktar mill-qrib mal-kontrapartijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn. F’dan il-kuntest, huwa ċertament pass ’il quddiem, id-deċiżjoni li l-Europol tingħata s-setgħat biex tkun tista’ tassisti aħjar lill-Istati membri fil-prevenzjoni tal-kriminalità, fl-analiżi, u fl-investigazzjonjiet fl-Unjoni kollha kemm hi. Dan se jiżgura li, fil-ħidma tagħhom flimkien, l-Istati Membri jkunu aktar effettivi milli kieku kull Stat Membru ħadem għal rasu.
“Minħabba li t-terroriżmu huwa wieħed mill-iżjed theddidiet sinifikanti għas-sigurtà tal-Unjoni, l-Europol għandha wkoll tkun f’pożizzjoni li tgħin lill-Istati Membri jaffrontaw din l-isfida,” qal il-Ministru. “L-Europol tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex isservi bħala ċentru tal-informazzjoni, u bil-poteri li qed jingħatawlha permezz ta’ dan ir-Regolament il-ġdid, verament li se tikseb suċċess f’dan il-qasam. Dan, filwaqt li ttejjeb il-possibiltajiet għall-iskambju tad-data filwaqt li tipprovdi salvagwardji għall-ħarsien tal-privatezza u għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu.”
Il-Ministru rrefera għas-sinifikat tal-iffirmar ta’ ftehim ta’ koperazzjoni operazzjonali u starteġika bejn l-Europol u d-Danimarka, li sar fil-Belt Valletta nhar is-Sibt li għadda. Permezz ta’ dan il-ftehim, għalkemm m’hix membru sħiħ tal-Europol, id-Danimarka se tkun tista’ taqsam u tiskambja data operazzjonali vitali ma’ din l-aġenzija. Mingħajr dak il-ftehim, id-Danimarka ssugrat li tispiċċa f’pożizzjoni li ma tkunx tista’ taqsam id-dataoperazzjonali mal-Europol. Tali nuqqas ta’ koperazzjoni operazzjonali seta’ jwassal għal diskrepanzi serji fl-informazzjoni u fl-informazzjoni sigrieta, li mbagħad jista’ jpoġġi lis-sigurtà tal-UE f’riskju.