It-tibdil fil-liġi tal-Konsumaturi wassal għal reazzjoni pożittiva mill-Għaqda tal-Konsumaturi.
Fi stqarrija, l-għaqda ddeskriviet it-tibdil bħala pass importanti sabiex l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jerġa jkollu l-poteri kollha biex jassigura li f’Malta, is-swieq ikunu kompetittivi mill-ġdid għall-ġid tal-konsumaturi, in-negozji u l-ekonomija Maltija.
Intqal li kien pass għaqli li l-Gvern ħa din l-okkażjoni sabiex jirrevedi xi affarijiet fil-liġijiet, sew tal-Kompetizzjoni u tal-Affarijiet tal-Konsumaturi.Fl-istess waqt, l-Għaqda tal-Konsumaturi resqet ukoll is-suġġerimenti tagħha għal iktar titjib.
Innutat li filwaqt li huwa tajjeb li d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju jistgħu ikunu kkontestati l-Qorti, il-Qorti għandha tagħti aktar importanza lejn l-aspetti tal-impatt fuq il-konsumaturi u dawk l-azjendi li joperaw skont il-liġi.
Dan fid-dawl li dawn id-deċiżjonijiet jolqtu s-swieq.
Żiedet tgħid li peress li d-deċiżjonijiet fil-Qrati ma jistgħux isiru mil-lum għalgħada, u biex kumpanija li tinstab ħatja mill-Uffiċċju ma tabbużax mill-proċeduri tal-Qrati stess, issuġġeriet li jekk il-Qorti tikkonferma d-deċiżjoni tal-Uffiċċju, min jinstab ħati jħallas multa għal kull jum mid-data li tkun ittieħdet id-deċiżjoni oriġinali.
L-Għaqda tal-Konsumaturi qalet ukoll li kien pass importanti li l-emendi fil-liġi jgħidu li l-Qorti tal-Appell m’għandiex tieħu aktar minn tlett xhur biex tieħu d-deċiżjoni. Il-punt li ma qablitx miegħu l-Għaqda kien li ma jingħad xejn xi jsir jekk din id-data tinqabeż.
Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-multi imposti għandhom ikunu skont id-dħul tal-kumpanija, u b’hekk ikun assigurat li l-multa imposta tkun proporzjonali mad-daqs tal-kumpanija.