Ikompli jikber l-interess minn investituri barranin hekk kif il-Malta Enterprise approvat total ta’ ħames proġetti b’investiment kapitali ta’ €30 miljun li se joħolqu 185 impjieg ġdid. Tlieta minn dawn il-proġetti huma mill-Kanada, filwaqt li l-oħrajn huma mill-Awstralja u mill-Iżrael. Dawn il-kumpaniji huma mniżżla jew qegħdin fil-proċess li jiġu mniżżla fuq stock exchanges barranin. Hemm ukoll applikazzjonijiet oħra minn investituri barranin li qed jiġu kkunsidrati. Din l-aħbar waslet wara li seħħet il-laqgħa tal-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi li saret fis-26 ta’ Marzu 2018, fejn ġie approvat l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għall-Użu Mediċinali, biex jitressaq għal vot finali fil-Parlament.
L-abbozz, ippreżentat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona, se jkompli jixpruna l-ekonomija Maltija u fuq kollox joħloq aktar opportunitajiet kemm ta’ impjiegi ta’ kwalità kif ukoll ta’ negozju.
Kif kien diskuss fil-Parlament, kemm fil-plenarja kif ukoll f’dan l-istadju tal-kumitat, din hija sfera ekonomika ġdida u permezz ta’ din il-liġi, Malta se tkun qed tipparteċipa fis-suq tal-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediku.
Il-Gvern huwa kunfidenti li dan is-settur se jkun wieħed ta’ suċċess f’pajjiżna, speċjalment għaliex pajjiżna għandu esperjenza u storja twila fil-manifattura tal-farmaċewtika. L-abbozz jistabbilixxi li l-operaturi f’dan il-qasam se jkunu qed jaħdmu f’ambjent regolatorju ċar u liċenzjati mill-Gvern, filwaqt li l-produzzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali se ssir taħt sigurtà stretta mill-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini.
Kif għamlu b’mod konsistenti fl-istadji kollha tad-diskussjoni, il-kelliema tal-Gvern xejnu kull tentattiv ta’ biżà li qed tipprova tnissel l-Oppożizzjoni, inkluż dwar l-aspett ta’ kultivazzjoni għal skopijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, liema proċess irid isir bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji wara evalwazzjoni rigoruża.
Il-Ministru Cardona saħaq li dan huwa avvanz kbir għall-ekonomija Maltija fejn kumpaniji minn madwar id-dinja se jkunu qed jiġu f’Malta sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq Ewropew.