Kien iffirmat Memorandum of Understanding li se jwassal għall-bini ta’ pixxina f’Għawdex.
Il-pixxina, b’tul ta’ ftit iktar minn tlieta u tletin metru u b’wisa ta’ għoxrin metro, se sservi kemm għal-logħob tal-waterpolo kif ukoll għat-taħriġ tal-għawm.
Il-pixxina se tkun mgħammra b’faċilitajiet sanitarji u changing rooms tal-ogħla livell u se jkollha wkoll stand b’erba mittsiġġu.
Il-faċilità mhux biss ser tkun qed tintuża mill-isportivi imma ukoll se tinkludi pixxina terapawtika għal skopijiet ta’ rijabilitazzjoni.
Il-memorandum kien iffirmat fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport, li semgħu min għand nies midħla fl-isport dwar l-importanza tal-proġett.
Alfred Cachia, kowċ b’esperjenza kbira fil-qasam tal-għawm qal li huma diversi l-vantaġġi soċjali u edukattivi.
Imbagħad hemm l-isportivi li kienu qed isibu limitazzjonijiet kbar, kif fisser Daniel Calleja Segretarju ta’ Otters li stqarr li din il-pixxina kienet biss ħola għalihom li llum il-ġurnata se ssir realtá. Huwa spjega li kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet biex jitħarrġu għall-kompetizzjonijiet li jipparteċipaw fihom.
Għax f’Għawdex, post imdawwar bil-baħar jeżisti interess f’dan it-tip ta’ sport. Il-Kowċ Alfred Cachia fisser il-bżonn li f’Għawdex l-interess għall-waterpolo u l-għawm ikompli jiżviluppa.
Sodisfatt bl-iffirmar tal-ftehim il-Ministru Anton Refalo fisser li l-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Privatisation Unitħareġ sejħa għall-proposti sabiex is-settur privat jiddisinja, jibni, imexxi u jagħmel il-manutenzjoni tal-kumpless.
Tajjeb illi wieħed isemmi iżda, li se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu numru ta’ sigħat fil-ġimgħa mingħajr ħlas kemm fil-pixxina prinċipali u kif ukoll f’ dik terapewtika.
Dan biex il-pixxina ġenerali tintuża għal skopijiet ta’ edukazzjoni fiżika mit-tfal tal-iskejjel filwaqt li dik terapewtika tintuża kemm minn persuni b’diżabiltà u kif ukoll minn pazjenti li jkollhom bżonn terapija speċifika.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim il-Gvern qiegħed jkompli jwettaq wegħda oħra elettorali; dik li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lill-isport f’Għawdex, f’dan il-każ f’bini ta’ aktar faċilitajiet.