Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari stqarr lix-xogħol miexi sabiex Malta ikollha l-ewwel Ambaxxata fil-Ġappun, fil-belt ta’ Tokjo.
Huwa qal kif team tekniku għandu jitla’ l-Ġappun din il-ġimgħa biex jevalwa numru ta’ proprjetajiet li ġew identifikati mill-Ambaxxatur f’Tokjo. Huwa maħsub li l-bini tal-ambaxxata tinkera, bil-kera tal-propretajiet identifikati tvarja bejn €4,000 u €6,400 fix-xahar.
Huwa qal kif fl-Ambaxxata, x’aktarx se jkun hemm 3 persuni mpjegati inkluż l-ambaxxatur. In-numru aktar preċiż jiġi stabbilit skont l-andament tax-xogħol.
Riċentament, waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ Malta-Ġappun, il-Ministru Carmelo Abela kien tkellem dwar l-impenn ta’ Malta li tiftaħ ambaxxata fil-Ġappun fl-2020 bħala parti mill-istrateġija ħolistika tagħha biex tespandi l-orizzonti tagħha mad-dinja kollha.
Huwa kien qal kif il-Gvern lest li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Ġappun. Kien qal kif l-oqsma kummerċjali li jistgħu jiġu promossi jinkludu l-manifattura avvanzata, is-settur tas-servizzi, blockchain, it-turiżmu u t-tagħlim tal-lingwa Ingliża.
F’Malta bħalissa 44 kumpanija jesportaw lejn il-Ġappun inklużi prodotti lokali bħal Steel, Metal Alloys & Electrical Switches.
Il-Ġappun huwa s-6 l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Malta barra l-UE. L-ogħla surplus kummerċjali ta’ Malta għall-2018 huwa mal-Ġappun b’importazzjoni li tlaħħaq madwar €67 miljun, l-esportazzjoni madwar €150 miljun bil-bilanċ kummerċjali jkun wieħed pożittiv ta’ madwar €84 miljun. 14-il stat membru mill-Unjoni Ewropea fl-2018 irreġistraw żieda fil-bilanċ kummerċjali mal-Ġappun, inkluża Malta.
Malta u l-Ġappun bnew relazzjoni qawwija ħafna matul is-snin iżda l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-Ġappun (EPA) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019, kompla jsaħħaħ dan.