Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi flimkien mal-Malta Business Registry (MBR), fetaħ is-sejħa tal-offerti għall-iżvilupp tar-Repożitorju Ċentrali tad-Data (Central Data Repository). Dan jimmarka pass importanti fil-ħidma kontinwa tal-Gvern sabiex jimmodernizza l-infrastruttura diġitali ta’ dan il-pajjiż. Din l-inizjattiva hija kruċjali lejn it-twettiq tal-għanijiet ewlenin ta’ Viżjoni Malta 2050, li tiffoka fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin li bħala Gvern ikun minn tal-bidu li jibda jadotta teknoloġija avvanzati.
Ir-Repożitorju Ċentrali tad-Data se tkun pjattaforma diġitali sigura, li fiha se jkollha dokumenti ewlenin u kredenzjali tal-identità f’e-wallet wieħed, li jkun aċċessibbli permezz ta’ mobile jew kompjuter. Din is-sistema se tippermetti lill-individwi u lin-negozji jaċċessaw dokumenti b’mod aktar faċli u sigur ma’ entitajiet governattivi, jiġu mwaqqfa l-proċeduri burokratiċi ripetittivi u ttejjeb l-effiċjenza tal-konformità. Dan huwa proċess li se jinkorpora l-intelliġenza artifiċjali. Din il-pjattaforma se ssaħħaħ l-effiċjenza u tnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li tiżgura standards għoljin ta’ sigurtà tad-data.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, enfasizza li din is-sejħa hija tragward sinifikanti għal pajjiżna, biex titnaqqas il-burokrazija u tisfrutta t-teknoloġija avvanzata.
Din il-pjattaforma se tibda billi tiffaċilita d-data bejn id-dipartimenti tal-gvern u, ġaladarba jkun operattiv, se jkun qiegħed jestendi għal entitajiet tas-settur privat, u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li jaħseb ’il quddiem fil-qasam diġitali. Is-sejħa għal dan il-proġett hija miftuħa permezz tas-sistema ePPS, u l-partijiet interessati huma mħeġġa jissottomettu l-proposti tagħhom għal din l-inizjattiva trasformattiva sas-26 ta’ Novembru 2024.
B’dan l-iżvilupp, Malta se tkun qed tagħmel pass ieħor lejn il-futur previst f’Viżjoni Malta 2050, fejn it-teknoloġija tmexxi l-effiċjenza, tagħti spinta lill-kompetittività ekonomika, u tappoġġja kwalità ta’ ħajja għal kulħadd.