Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li fil-Parlament, qed ikompli jimplimenta bis-serjetà l-impenn tiegħu favur it-trasparenza u l-governanza tajba fil-ħajja pubblika. Fuq kollox qed ikompli jagħti l-ħajja liġijiet li kienu ilhom imwiegħda snin minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Il-bidliet biex persuni li jkunu se jservu f’diversi karigi pubbliċi jgħaddu minn skrutinju parlamentari jingħaqdu f’kullana ta’ bidliet mingħajr preċedent li dan il-gvern għamel biex isaħħaħ il-governanza f’pajjiżna.
Il-Grupp Parlamentari Laburista ma kellux problema lanqas jaċċetta proposti li kienu qed isiru u biex jaqbel li jagħmel tassattiv il-bżonn li wieħed jissejjaħ quddiem il-kumitat parlamentari.
Dan għax Gvern li jagħmel il-ħatriet b’responsabbiltà m’għandu xejn minn xix jiddejjaq.
Il-mod kif il-Grupp Parlamentari Laburista ddiskuta l-ħsibijiet differenti u saħansitra laqa’ wħud minnhom hu prova oħra ta’ maturità politika.