Il-Gvern fassal tliet mudelli, imsejsa fuq mudelli barranin, wara proċess ta’ diskussjoni intensiva ma’ bosta entitajiet.
L-ewwel mudell japplika għal koppji li ilhom flimkien għal iktar minn sentejn u li minkejja ma jixtiequx li r-relazzjoni tagħhom tkun regolata jew rikonoxxuta legalment, jingħataw tliet drittijiet bażiċi fuq is-sieħeb jew siehba tagħhom. Dawn huma:
- li l-koabitant jitqies bħala inkwilin għall-fini tal-kuntratti ta’ kiri ta’ residenza primarja komuni jew kummerċjali
- il-koabitant jitqies bħala l-eqreb persuna għall-iehor għall-finijiet tal-liġi
- li l-koabitant ikun eżentat milli jixhed kontra s-sieħeb jew sieħba tiegħu
Għall-koppji li jixtiequ relazzjoni regolata bil-liġi, japplika t-tieni mudell, dak li permezz ta’ nutar, il-partijiet jiżviluppaw kuntratt skont in-neċessitajiet tagħhom. F’ dan il-kuntratt għandhom ikunu indirizzati suġġetti relatati mar-residenza primarja, kif għandom jinqasmu l-assi u d-djun f’ każ ta’ firda, manteniment, id-drittijiet fuq it-tfal u kustodja fost oħrajn.
Biex tkun evitata sitwazzjoni fejn koabitant ikun imġiegħel ibiddel dan il-kuntratt mis-sieħeb jew sieħba, l-kuntratt tal-koabitazzjoni se jkun jista’ jinbidel biss bl-approvazzjoni tal-Qorti.
Fid-dawl li hemm koppji oħra fejn mhux it-tnejn juru x-xewqa li jkunu rikonoxxuti bħala koabitanti, t-tielet mudell tal-ligi tippermetti li parti tibgħat lill-oħra ittra uffiċjali fejn tintwera x-xewqa li jkunu rikonoxxuti. Il-koabitant jista’ jilqa’ l-ittra u jkun kunsidrat bħala ko-abitant de facto jew jiċħad ir-relazzjoni.
Peress li din il-liġi hija waħda sensittiva il-Ministru Helena Dalli sahqet li bil-partecipazzjoni tal-pubbliku ghandha tkun wahda li tapplika ghar-realtajiet tal-koppji kollha.