Fil-Parlament, il-ġimgħa d-dieħla se tgħaddi għat-tielet qari liġi li permezz tagħha se titwaqqaf l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Din hija l-aħħar fażi qabel tista’ titwaqqaf din l-awtorità.
Dan wara li l-Erbgħa, il-Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġijiet fil-Parlament approva l-liġi għat-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Din l-Awtorità se tkun qed tassorbi l-funzjonijiet li kienu assenjati lill-Bord li jirregola l-Bini u lill-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini, l-Aġenzija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni u l-Bord għall-Bennejja.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kostruzzjoni Chris Agius qal kif din l-Awtorità kienet wegħda elettorali tal-Partit Laburista. Qal kif din l-awtorità se tagħti s-saħħa sabiex l-industrija tkun regolata b’mod iżjed aħjar.
Huwa qal, “L-irwol prinċipali ta’ din l-awtorità hu li jkollna aktar regolamenti li jħarsu dan is-settur. Matul is-snin dan is-settur dejjem kien mutur ewlieni għall-ekonomija ta’ pajjiżna kellu liġijiet sparparjati. Illum il-liġijiet ser jinġabru taħt kappa waħda kollha responsabbli minnha l-awtorità.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal kif din l-awtorità se tkun qed tagħti iżjed serħan il-moħħ lil dawk li jkun qed isir xi żvilupp maġenbhom.
Huwa stqarr: “Irridu naraw li fiż-żmien li ġej, issa nħabbru dan l-Awtorità, jiġifieri ċ-Chairperson flimkien mal-bord tad-diretturi u allura jkollna din l-awtorità li se tkompli tagħti, mhux biss serħan il-moħħ lill-familji biswit sit ta’ kostruzzjoni, imma wkoll sostennibiltà lil din l-industrija.”