Il-Prim Ministru Robert Abela nnota s-sentenza tal-Qorti Kriminali li ngħatat illum u li permezz tagħha żewġ persuni oħra ġew misjuba ħatja għall-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, u kkundannati għal erbgħin sena priġunerija kull wieħed.
Il-Prim Ministur nnota kif dan hu pass importanti ieħor lejn ġustizzja f’dan il-każ, li hu tebgħa sewda fl-istorja ta’ pajjiżna.
Spjega kif wara s-sentenza tal-lum, issa hemm tliet persuni misjuba ħatja u kkundannati b’piena ta’ priġunerija dwar dan il-qtil. Filwaqt li tliet persuni oħra għad irid jibda l-ġuri tagħhom.
Il-Prim Ministru reġa’ tenna l-impenn ċar tal-Gvern li jkun hemm ġustizzja mal-familja Caruana Galizia u mal-poplu kollu.
Il-Prim Ministru radd ħajr lill-awtoritajiet kollha li ħadmu u qed ikomplu jaħdmu bil-għan li ssir ġustizzja sħiħa f’dan il-każ.
Awtoritajiet, li se jibqgħu jsibu lill-Gvern ta’ sostenn fil-ħidma tagħhom.
Hu qal kif fl-istess ħin il-Gvern se jkompli ukoll b’riformi importanti li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-qafas demokratiku ta’ pajjiżna.
Today’s judgement is another important step towards justice for the Caruana Galizia family. There are now three people convicted for this homicide and three others awaiting trial. We remain determined to see full justice delivered for the family and for Malta. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 14, 2022