F’vot kritiku fil-Kumitat tal-Impjiegi tal-Parlament Ewropew, l-MPE Alex Agius Saliba kiseb l-approvazzjoni fuq żewġ proġetti Ewropej li se jwittu t-triq għal Direttiva Ewropea dwar id-Dritt ta’ Skonnessjoni u t-Telework.
Fi stqarrija Agius Saliba qal li “n-nies spiss jissottovalutaw ir-rwol politiku importanti li għandu l-baġit tal-Unjoni Ewropea fl-ippjanar jew l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi tal-Unjoni u politiki futuri. Is-sena d-dieħla, irrid li l-Unjoni tiddedika l-flus għal xi inizjattivi ewlenin għaċ-ċittadini u l-ħaddiema tagħha, bħad-Dritt ta’ skonnessjoni u Telework, kif ukoll biex jissaħħaħ ir-rwol tas-sħab soċjali fil-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 u fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ garanzija għaż-żgħażagħ u t-tfal.”
Huwa qal li l-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa opportunità biex il-kliem jissarraf f’azzjoni u jiġi żgurat li l-inizjattivi ta’ politika, il-prijoritajiet u l-proġetti ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea jkollhom finanzjament xieraq u jkunu jistgħu jimmaterjalizzaw. Fil-kapaċità tiegħu bħala x-shadow rapporteur tal-S&D fil-Kumitat tal-Impjiegi, il-MPE Agius Saliba ppropona żewġ proġetti kbar biex tinġabar evidenza fuq skala kbira li jġibu lill-Unjoni pass eqreb lejn Direttiva Ewropea dwar id-Dritt ta’ Skonnessjoni u inizjattiva leġiżlattiva dwar it-Telework.
L-istqarrija żiedet tgħid li wara l-votazzjoni, il-MPE Agius Saliba esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li li l-maġġoranza tal-gruppi politiċi appoġġaw il-proposti tiegħu li ser jagħtu l-opportunità li jimmaterjalizzaw dawn il-proġetti importanti.
Minkejja l-appoġġ għar-Rapport tal-MPE Saliba dwar id-Dritt ta’ Skonnettjar, il-MPE David Casa u l-grupp tal-Popolari Ewropej dawru fehmthom u vvutaw kontra dawn il-proġetti ta’ Dritt ta’ Skonnessjoni u Telework. Huma vvutaw ukoll kontra l-emenda tiegħu biex jiġi provdut finanzjament lis-sħab soċjali u jsaħħaħ l-irwol tagħhom fil-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19.
Huwa temm billi qal li “Ninsab kuntenta li l-biċċa l-kbira tal-gruppi politiċi kienu konsistenti u appoġġjaw l-implimentazzjoni tad-Dritt ta’ Skonnettjar u l-proġetti Telework u appoġġaw il-finanzjament tal-imsieħba soċjali. Il-Parlament Ewropew għandu jkompli jagħmel pressjoni fuq dawk l-inizjattivi u l-prijoritajiet adottati f’rapporti preċedenti u jimmaterjalizzahom bi flus speċifiċi ddedikati fil-baġit tal-Unjoni Ewropea.”