Paschalino Cefai ta’ 42 sena miż-Żebbuġ ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament ħebb għan-neputi tiegħu b’minġel.
Fil-Qorti t’Għawdex, li fetħet b’urġenza t-Tlieta filgħaxija, Cefai ġie akkużat li weġġa’ ħafif lin-neputi, heddu u li kkaġunalu biża’ ta’ vjolenza kontrih.
Fl-istess waqt il-Prosekuzzjoni xlietu li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Il-Maġistrat Simone Grech laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur in-neputi.
Paschalino Cefai ntalab sabiex iħallas depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ sebat elef ewro.
Huwa jrid ukoll jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.
Fil-passat Cefai kien intbagħat il-ħabs wara li ta daqqiet ta’ arma lil raġel f’awla tal-Qorti u pprova jattakka Maġistrat f’okkażjoni oħra.