Partitarji Nazzjonalisti mill-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia ħarġu jifirħu pubblikament bl-aħbar li d-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Indikazzjoni tal-qasmiet li jeżistu bid-diversi fazzjonijiet li jeżistu fil-Partit Nazzjonalista.
Minbarra hekk, iżda, hu fatt magħruf li Bartolo kien minn ta’ quddiem li ħadem biex iqaċċat lil Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista. Dan meta wara l-elezzjonijiet li saru fl-2019, Bartolo kien beda jiġbor il-firem biex ineħħu lil Delia minn Kap.
U, allura, dawk ta’ Delia baqgħu qatt ma ħafruha lil Bartolo, li wkoll kien ċeda s-siġġu tiegħu fil-Parlament lil Bernard Grech, bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
F’kummenti fuq portals fejn ħarġet l-aħbar ta’ Bartolo, bosta minn dawk qrib Delia esprimew il-ferħ tagħhom.
Ġorġ Mallia, ix-xufier tal-eks Kap Nazzjonalista, qal “wara li kien wieħed li fotta (biex ngħiduha fi kliem iżjed xieraq) partit.”
L-eks Kunsilliera Nazzjonalista ta’ Birkirkara, Deborah Mifsud, qalet “Thank God.”
Hekk kif Bernard Grech inħatar Kap Nazzjonalista, f’Ottubru tal-2020, Mifsud telqet mill-Partit Nazzjonalista u baqgħet kunsilliera indipendenti.
Partitarja oħra ta’ Delia qalet “ejja fl-aħħar. L-ewwel wieħed.” Dan b’referenza għal deputati oħrajn li kienu kontra Adrian Delia, meta hu kien Kap Nazzjonalista.
Partitarju ieħor sostna li kemm ilu li Ivan J. Bartolo daħal fil-Partit Nazzjonalista, hu kisser partit. Qal ukoll li “mhux se jħalli biki”.
Il-firda fil-Partit Nazzjonalista, minkejja li għaddew kważi ħames snin mindu Delia tqaċċat minn Kap, għadha tidher u tinħass bl-aktar mod evidenti.