Għadd ta’ partitarji tat-tim tal-futbol tal-Ħamrun Spartans, li s-soltu jallegraw lil dawk preżenti l-grawnd kull darba li jilgħab it-tim Ħamruniż, ingħaqdu biex f’nhar il-Milied marru f’Rainbow Ward, l-Isptar Mater Dei biex iferrħu lill-pażjenti ċkejkin.
Il-komponenti tal-Banda li jferrħu lill-partitarji tal-Ispartans huma magħmula minn elementi miż-żewġ Għaqdiet Mużikali Ħamruniżi, l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, li dalgħodu ħassew li għandhom jferrħu lil dawn it-tfal u l-familji tagħhom li għaddejjin minn żmien diffiċli.
Waqt din l-attività ġew miġbura donazzjonijiet bejn partitarji tal-Ħamrun Spartans li ngħataw lil Puttinu Cares.
Il-Banda kienet akkumpanjata minn uffiċjali tal-Ħamrun Spartans u mis-Sindku tal-lokalità, is-Sur Christian Sammut.