Jiena l-Partit tiegħi kburi bih. Kburi bin-nies ta’ dan il-Partit u jiena ċert li jekk inżommu l-għaqda, se nkomplu nerbħu għal ħafna u ħafna snin oħra.
Saħaq dan id-Deputat Prim Ministru u kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne f’intervista mal-Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE Owen Galea.
Intervista li matulha fisser kif l-eluf ta’ voluntiera u membri li jagħtu qalbhom għal Partit Laburista iridu Partit b’saħħtu li jkompli jerbaħ, u mhux min jiżra’ l-firda.
Dr Fearne stqarr: “Jien ilni 40 sena f’dan il-Partit. Meta konna mifrudin, tlifna. Konna fil-Gvern fin-96 – konna fil-Gvern fin-96 – għax infridna tlifna l-Gvern fin-98. Ma rridux nagħmlu l-istess żball illum.”
F’dan il-kuntest, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne fakkar kif huwa kien hemm fis-suċċessi kollha li kiseb dan il-Gvern, mill-bidu nett tal-proġett tagħna, spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat bħala l-ko-pilota tiegħu.
Huwa għalhekk li llum lest biex nerfa’ r-responsabbiltà tat-tmexxija bl-appoġġ sħiħ tal-grupp Parlamentari u l-Kabinett tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Grupp magħqud qaqoċċa wara l-viżjoni tal-kontinwità u l-għaqda, żied Chris Fearne.
Mistoqsi jekk din l-elezzjoni hux se ġġib taqlib fil-Partit Laburista, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li bih Mexxej, il-Partit Laburista jibqa’ wieħed magħqud u wieħed rebbieħ. Dan għaliex waqt li għandu l-kredenzjali biex jagħmel il-bidliet li hemm bżonn, lest li jkompli jibni fuq il-legat b’saħħtu tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u fuq il-ġid kbir li sar f’dawn l-aqwa 7 snin fl-istorja ta’ pajjiżna.