Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li qed jinnota li għal darb’oħra l-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia kien reattiv u essenzjalment irrepeta dak li qal qablu l-Gvern jiem qabel.
Hu u jindirizza konferenza organizzata mill-Partit Nazzjonalista dwar l-edukazzjoni, l-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia essenzjalment qal dak li qal jiem qablu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xoghol Owen Bonnici dwar il-bżonn li minn issa nirriflettu u npoġġu ‘l quddiem ideat dwar il-futur tal-edukazzjoni wara l-COVID-19 u ‘l hinn.
Il-Partit Laburista qal li jfaħħar it-twaqqif ta’ think tank b’nies mill-iktar awtorevoli u rispettati minn kulħadd li ġejjin mid-dinja tal-edukazzjoni (inkluż dik inklussiva), tal-ħsieb, tal-intraprenditorja u tal-informatika li żgur li se jkunu ta’ kontribut importanti ħafna. Il-Partit Laburista jilqa’ wkoll ir-rieda li wera l-Gvern li dan it-think tank ikun miftuħ għal kulhħadd u kull min jixtieq iressaq ‘il quddiem l-ideat u l-ħsibijiet tiegħu jkollu kull opportunità li jagħmel dan.
Il-Partit Laburista jinnota wkoll il-kliem pożittiv ta’ istituzzjonijiet bħall-Commonwealth, il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, l-Prince’s Trust u issa anke l-Kamra tal-Kummerċ dwar il-ħidma tal-Gvern fis-settur edukattiv u jirringrazzja lill-edukaturi kollha tal-ħidma tajba ħafna li qed issir għall-ġid tal-istudenti.