B’Adria Delia kap il-Partit Nazzjonalista baqa’ maqtugħ minn nies bħalma kien fi żmien il-Kap ta’ qablu. Fil-fatt, Adrian Delia kellu l-wiċċ jgħid li l-iktar minn €11–il miljun li se jmorru fil-bwiet tan-nies f’dawn il-jiem huma daħk fil-wiċċ. Biex bħal esponenti oħra fil-Partit Nazzjonalista, fosthom il-Viċi Kap Arrigo, ħareġ jattakka din ir-rifużjoni tat-taxxa li qed tingħata lill-familji Maltin.Fi stqarrija, il-Partit Laburista fakkar li b’din l-ewwel parti tar-rifużjoni tat-taxxa l-gvern beda jwettaq wiegħda elettorali li għandu mandat għaliha. Kien jidħak bin-nies kieku ma żammx kelmtu kif ħafna drabi għamel il-Partit Nazzjonalista u kif għamel Delia meta wiegħed mod ġdid. Dan għax id-diskors ta’ dalgħodu, Adrian Delia donnu qrah minn fuq in-noti li kien ikollu Simon Busuttil qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Kien negattiv u distruttiv bħalu. Qal li pajjiżna mhux pajjiż normali u għajjar lil kulħadd korrott.
Il-Partit Laburista tenna li hija ħasra li biex mingħalih jieħu l-kontroll tal-PN, Delia sar bħal ta’ qablu. Ħasra li daħaq bin-nazzjonalisti billi wiegħed mod ġdid u ċeda għall-istess politika li kellu ta’ qablu. Dan għax jinteressah iktar minn postu milli mill-ġejjieni ta’ pajjiżna.