Partititi poltiċi maqsuma ma jistgħu qatt jirbħu elezzjonijiet ġenerali.
Dikjarazzjoni b’saħħitha minn Simon Mercieca, analista politiku u wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-2013, li f’artiklu f’The Malta Indipendent tat-Tnejn, iddikjara b’mod ċar li l-firda fi ħdan il-Partit fl-Oppożizzjoni ħarġet fil-beraħ iktar minn qatt qabel.
Bit-titlu Delia jitħalla waħdu, Mercieca jinnota li l-pożiżżjoni tal-kap Adrian Delia qed tkompli tiddgħajjef fi żmien fejn suppost il-grupp parlamentari Nazzjonalista ngħaqad aktar minn qatt qabel.
Mercieca josserva li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia esponiet il-qasma u d-diżorganizzazjoni interna li teżist, tant li flok partit magħqud qed jispikkaw fazzjonijiet differenti.
Fl-aħħar jiem Mercieca, iddikjara b’mod ċar li t-traġedja tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed tintuża fil-Partit Nazzjonalista, bi pressjoni biex jitneħħa Adrian Delia, li qed isibha diffiċli jikseb il-fiduċja tal-grupp parlamentari Nazzjonalista. Tant li f’laqgħa tal-grupp ta’ nhar il-Ġimgħa attendew biss tlettax minn tmienja u għoxrin membru parlamentari.
Fl-istess artiklu, Mercieca jgħid li l-partit huwa maqsum ukoll bejn l-ideoloġiji liberali u konservattivi, b’fazzjonijiet liberali juru biċ-ċar li ma jridux lil Delia waqt il-protesti li saru fil-Belt Valletta u anke Tas-Sliema.
Minflok jippreferu li jmexxihom l-ex Kap Simon Busuttil, li rriżenja wara li sofra l-akbar telfa elettorali fl-istorja politka Maltija.
Simon Mercieca jemfasizza li quddiem din il-qasma interna, Delia jrid juri l-elementi ta’ Kap li s’issa ma dehru qatt, anke fl-aħħar attentat li jgħaqqad it-tmexxija permezz tad-deputat Chris Said li kkontesta għall-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan b’kuntrast mat-tmexxija effetiva tal-Prim Minsitru Joseph Muscat, li rnexxielu jżomm partit kumpatt, b’elementi liberali u progressivi li jippreparaw il-pajjiż għal-ġenerazzjonijeit futuri.