Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista Miriam Dalli, Alfred Sant u Marlene Mizzi lkoll ħadu sehem fl-attivita` politika Niltaqgħu l-Pjazza organizzata mill-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Josianne Cutajar.
Fil-laqgħa ta’ diskussjoni li saret fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, ġie enfasizzat il-bżonn li Malta teleġġi rappreżentanti li jfittxu dejjem l-interess tal-pajjiż biex tiġi mħarsa l-istabbilta’ ekonomika li ġab il-Gvern u magħha l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.
It-tliet MEPs Laburisti qalu li minbarra l-ħidma diversa li wettqu fil-Parlament Ewropew f’din il-leġislatura, fl-aħħar ħames snin kien hemm bżonn li r-rappreżentanti f’isem il-Partit Laburista jqumu u jiddefendu isem u r-reputazzjoni tal-pajjiż mit-tajn li waddbu rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.
Is-sehem tad-delegazzjoni sħiħa Laburista fil-Parlament Ewropew f’din l-attivita’hija xhieda tal-mod li bih il-Partit Laburista qed jersaq għal din l-elezzjoni importanti bl-intenzjoni li bħala front wieħed magħqud ikompli jassigura il-ġid komuni fost il-Maltin u l-Għawdxin.
Din hi l-politika li nemmen fiha, qalet Josianne Cutajar, politika li tfittex l-għaqda u li tagħti prijorita’ lill-familji Maltin u Għawdxin.
L-iżgħar kandidata f’isem il-Partit Laburista Josianne Cutajar, irringrazzjat lil MEPs preżenti tal-Partit Laburista mhux biss tas-sehem tagħhom fl-attivita’ imma wkoll tal-ħidma li wettqu fl-aħħar ħames snin, b’risq pajjiżna. Il-poplu Malti jirrikonoxxi, qalet Cutajar, id-differenza bejn min uża postu fl-Ewropa biex jagħmel impatt pożittiv u min żeblah isem il-pajjiż.
Fil-messaġġ tiegħu Alfred Sant iddeskriva l-attakk sistematiku fuq Malta bħala mġiba velenuża, li fi kliem Miriam Dalli minkejja li sar għal skopijiet partiġġjani, il-ħsara li ħalla ma saritx lill-Gvern jew lill-Partit Laburista, iżda lill-familji Maltin u Għawdxin. Marlene Mizzi qalet li l-mod li bih ġie mżeblah isem pajjiżna kien ta’ min jistmerru.
Hija ddeskriviet lil Josianne Cutajar bħala mara denja li tkun rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew. Alfred Sant faħħar l-impenn u l-intelliġenza li bih Cutajar qed twassal il-messaġġ tagħha, filwaqt li Miriam Dalli qalet li Dr Josianne Cutajar tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Fid-diskussjoni li missret ma’ temi ekonomiċi u soċjali, Cutajar impenjat ruħha li tibqa’ tiddefendi lill-pajjiżna, il-pajjiż li bnejna bix-xogħol, bit-taxxi u bl-għaqal tal-Maltin u l-Għawdxin.