Waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista l-Prim Ministru Robert Abela qal li s-suċċessi li kiseb il-Partit fl-aħħar 100 sena huma frott l-għaqda li jħaddan.
Għaqda li għal aktar minn darba kienet affaċjata minn sfidi kbar. Il-Prim Ministru stqarr: “Dan il-Partit affaċċja perjodi diffiċli nkluż meta niesu ġew interdettjati u midfuna fil-miżbla.”
Il-Prim Ministru Abela semma wkoll l-isfidi li ħabbat wiċċu magħhom il-Partit Laburista fl-aħħar xhur, li ħareġ minnhom iktar b’saħħtu għaliex ħa deċiżjonijiet iebsin u kulħadd ġibed ħabel wieħed.
Dr Abela sostna: “Kien dan il-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet li wassalna fejn qegħdin illum. Partit Laburista li ħafna ħasbu li fi Frar kien se jkun imkisser aktar minn qatt qabel mentri r-realtà qed turina li huwa magħqud u b’saħħtu iktar minn qatt qabel.”
Madankollu l-Prim Ministru Abela saħaq li min-naħa l-oħra hemm Oppożizzjoni mifruda: “Jien nemmen li pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha. Il-Partit Laburista vera għandu lil Malta għal qalbu u konvint li dan il-pajjiż jixraqlu Oppożizzjoni b’saħħitha.”
Dr Abela qal li l-iżviluppi u l-manuvri li dehru fiċ-ċar fl-aħħar jiem qed jixhdu l-atteġjament politiku irresponsabbli ta’ ċertu esponenti Nazzjonalisti.
Il-Prim Ministru stqarr: “X’jaslu li jagħmlu lil sħabhom stess. Immaġinaw x’jagħmlu, immaġinaw x’jaslu biex jagħmlu lil min ma jaqbilx magħhom.”
Semma kif l-Oppożizzjoni mifnija bi kriżi wara l-oħra m’għandiex kredibilità: “Kif tista’ titlob il-fiduċja ta’ dawn in-nies li qas jafu jmexxu flushom. Kif tista’ timmaġina li għandhom jiġu fdati bit-tmexxija ta’ finanzi ta’ pajjiż metu huma stess farrku l-biċċa żgħira li kellhom jieħdu ħsieb fil-Partit tagħhom stess.”
Dwar ħatriet ġodda fil-Partit Nazzjonalista, il-mexxej Laburista li dan huwa ta’ dak li qed jiġri f’moviment imdawwar madwar il-Partit Laburista fejn huwa mogħni b’talent żagħżugħ.
“Ser nibqa’ nagħti l-enerġija kollha tiegħi biex flimkien inkomplu mmexxu lil Malta u lil Għawdex il-quddiem. Flimkien lejn aktar suċċessi. Nirringrazzjakhom”, tenna l-Prim Ministru Robert Abela.