Il-Partit Laburista hu dak il-partit li jagħti s-soluzzjonijiet. Kien dan il-messaġġ li ħareġ mill-esponenti tal-Partit Laburista waqt il-programm ‘XTRA’ fuq ix-xandir nazzjonali, li ttratta x-xejriet politiċi u l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Kien il-Ministru Owen Bonnici li, fil-programm, sostna kif, minkejja d-difetti kollha li jista’ jkollu l-Partit Laburista, il-poplu jarah bħala l-partit li jista’ jwieġeb għall-aspirazzjonijiet tiegħu.
“Il-poplu, meta jiġi għas-sì u n-no, iħares lejn il-Partit Laburista bħala l-entità li tista’ tagħtih soluzzjoni. Jiġifieri ddur il-poplu u tara fin-numri, isma’ l-isfidi ewlenin ta’ pajjiżna min jista’ jagħtini soluzzjoni għalihom? Naħseb li l-poplu jaf li l-Partit Laburista għandu l-ikbar kredenzjali biex jagħti s-soluzzjoni għall-isfidi ewlenin tal-poplu.”
Il-Ministru, Owen Bonnici
Hawn il-Ministru Bonnici tkellem dwar uħud mill-kisbiet ta’ Gvern Laburista li jagħtuh il-kredenzjali ekonomiċi u soċjali biex iwieġeb għal dak li jeħtieġu n-nies.

Dan filwaqt li nnota kif illum li l-poplu qiegħed iħares aktar lejn kwalità ta’ ħajja aħjar, il-Gvern jista’ jibni fuq il-kisbiet ekonomiċi biex jimraħ f’diversi aspetti b’mod partikolari dawk kulturali u sportivi.
Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li, quddiem żieda f’dak il-grupp ta’ persuni li huma inqas leali lejn partit jew ieħor, il-Partit Laburista għandu jaħdem biex jibqa’ dejjem aktar relevanti kemm fil-mod kif iwassal il-messaġġ, imma anke fuq aspett ta’ politika li jħaddan.

Tal-istess fehma kien il-President tal-Partit Laburista, Alex Sciberras, li elenka l-importanza li l-Partit Laburista jibqa’ umli mal-elettorat u jisma’ x’inhuma l-ħtiġijiet tiegħu llum.
Sciberras: “In-nies qed titkellem fuq il-barranin, iva mhemmx l-iċken dubju li qed titkellem dwarhom. In-nies qed titkellem dwar l-iżvilupp u l-bini fil-pajjiż, qegħdin jitkellmu dwar it-traffiku, żgur mela le. Dawn huma problemi mela le, imma huma problemi li rridu nindirizzawhom, irridu nsibu soluzzjoni għalihom u naħdmu biex insibu soluzzjonijiet għalihom flimkien u fuq dik mhemmx l-iċken dubju.”
Balzan: “Taħseb li l-Gvern għandu r-rieda u l-ħeġġa biex jindirizzahom?”
Sciberras: “Diġà wera mingħajr tlaqliq eżempju fuq il-Labour Migration Policy mingħajr ebda tlaqliq, anke hemmhekk reġa’ għandek Gvern li ma joqgħodx jistenna.”
Sciberras enfasizza l-importanza li l-Gvern ikompli jsib bilanċ bejn interessi varji fil-politika tiegħu, filwaqt li xejjen il-kritika populista tal-Partit Nazzjonalista fuq suġġetti varji bħall-popolazzjoni.
Hu temm jappella għall-kollaborazzjoni biex, permezz ta’ politika għan-nies, jingħelbu l-isfidi u b’hekk igawdi l-poplu kollu.