“Għandna pjan biex inżidu l-pensjonijiet għall-anzjani u kulħadd jaf li magħna taf fejn int.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza li għamel il-Ħamis filgħodu b’reazzjoni għall-proposti li ħabbar il-Prim Ministru u Mexxej Laburista fil-bidu tal-kampanja elettorali fejn tħabbar li l-anzjani taħt Gvern Laburista ġdid se terġa’ tiżdidilhom l-pensjoni filwaqt li jingħataw il-mediċini kollha b’xejn fuq il-formularju tal-Gvern.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif matul il-leġislatura li jmiss, jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu, il-Partit Laburista qed iwiegħed li l-pensjonijiet jiżdiedu bi €15 fil-ġimgħa. Żieda li tikkuntrasta ma’ dak li ġara taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fejn il-pensjonijiet ġew iffriżati għal aktar minn 20 sena.
Qal, “Il-proġettazzjoni hija li tul il-leġislatura mal-€1.1 biljun ewro li se nkunu qed ninvestu fl-anzjani tagħna din is-sena, f’5 snin se jkun hemm żieda ta’ €240 miljun oħra fuq dak li huwa l-vot tal-pensjonanti. Għalina dawn mhumiex ħela ta’ flus. Għalina dawn huma miżuri kruċjali biex nassiguraw li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu inġenerali kollu u mhux l-inqas il-pensjonanti.”
Minn naħa tagħha l-Kandidata tal-Partit Laburista Alison Zerafa Civelli rrimarkat ukoll kif b’kuntrast, il-Partit Nazzjonalista rari jitkellem dwar l-anzjani għaliex f’dan il-qasam m’għandux kredibbiltà.
Hija sostniet li b’dawn il-miżuri l-Gvern qed ikompli jibni fuq il-bażi b’saħħitha li kellu fl-aħħar leġislatura
Spjegat, “Issa se nkomplu fuq din il-bażi b’saħħitha. Se nżidu l-pensjonijiet, se nagħtu l-mediċini b’xejn lill-anzjani kollha u flimkiens se naslu. Se nagħtu lill-anzjani kwalità ta’ ħajja aħjar. Malta Flimkien il-futur sabiħ.”