Iffaċċjata bil-kuntratti ta’ bejn il-Gvern u VGH, għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed tkun negattiva u minflok tagħraf il-ġid kbir li minnu ser igawdu pazjenti Għawdxin u Maltin b’dan l-akbar investiment fil-qasam tas-saħħa, qiegħda tisforza biex issib kritika superfiċjali.
Fi stqarrija l-Ministeru tas-Saħħa qal li l-kuntratti li l-Gvern ippublika lbieraħ iġibu fix-xejn l-attakk tal-Oppożizzjoni għax juru kif is-servizz tas-saħħa se jibqa’ bla ħlas għall-Maltin u Għawdxin, waqt li d-drittijiet tal-ħaddiema se jibqgħu jiġu mħarsa, dan waqt li l-investitur privat se jagħmel investiment kapitali ta’ ‘l fuq minn 200 miljun ewro għas-spiża tiegħu.
“Jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa iffokat li jopponi kollox u f’kull ħin, u li ma jridx jara investiment f’pajjiżna, investiment li fl-aħħar mill-aħħar ikun ifisser servizz tas-saħħa aħjar” temm jgħid il-Ministeru.