- DWEJJAQ BIL-KAP, SFIDA LIL GONZIPN, U TAĦWID POLITIKU U AMMINISTRATTIV
Il-PN għaddej mill-aħar perjodu fl-istorja tiegħu. F’kull aspett politiku u amministrattiv, il-partit darba glorjuż jinsab f’kaos, maqtugħ mir-realtà tan-nies u bla ebda sinjal li jista’ joffri alternattiva serja. Riżultati ta’ sondaġġi elettorali qed jindikaw li bħala partit, il-PN jibqa’ mwaħħal ma’ 45% tal-elettorat.
Hemm diversi fatturi li qed iwasslu għal dan ix-xenarju, iżda primarjament, dan huwa riżultat ta’ faqar politiku min-naħa tal-kap tal-partit Bernard Grech, li ma joffrix leadership. Mistoqsi minn The Times, Malta Today u Vincent Marmarà, il-poplu Malti wieġeb, u t-tweġiba tal-poplu żiedet id-dwejjaq fl-istamperija. Tant hu hekk, illi fl-apert bdew jidhru freċċati kontra Bernard Grech.
Fost l-oħrajn, ta’ min jinnota l-fatt li kien hemm kritika għan-nuqqas ta’ preżenza ta’ Bernard Grech għall-protesta ta’ Repubblika l-Ħadd li għadda. Grech ipprova jiġġustifika ma’ The Times li kellu impenji oħra u li 11-il Deputat tiegħu attendew. Iżda sinifikanti li l-istess gazzetta qajmet dawn it-tip ta’ mistoqsijiet li kienu qed jirrispekkjaw id-diskors f’ċerti ċrieki midħla tal-PN. Id-dwejjaq bil-Kap qed iwassal biex Gonzipn jerġa’ jieħu r-riħ. L-impożizzjoni ta’ Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali fuq Grech hija sinifikattiva ħafna. Għax tfisser illi hemm fazzjoni fil-partit illi xebgħet “bit-teatrini” ta’ Grech u jridu “jpoġġuh f’postu.”
Dawn iħossu illi hija r-responsabbiltà tagħhom li jieħdu r-riedni f’idejhom. Is-swaba’ tal-qarnita GonziPN fil-partit huma: Simon Busuttil, Karol Aquilina, Gordon Pisani (li jaħdem ma’ Metsola), bl-għajnuna ta’ deputati bħal Beppe Fenech Adami, Claudette Buttigieg, u Robert Cutajar. Inċidentalment, kemm Charles Bonello, Karol Aquilina, Gordon Pisani u Robert Cutajar ilkoll servew fis-segretarjat ta’ GonziPN. Fuq barra, GonziPN jistrieħ fuq Repubblika, Robert Aquilina, Jason Azzopardi u Manuel Delia fost l-oħrajn. Madankollu, hemm ukoll fazzjoni oħra illi qed tisfida lil GonziPN, bil-kandidat tagħha għal Segretarju Ġenerali jkun Stefan Caruana.
Ma’ dawn iż-żewġ ismijiet, qed jiżdied ukoll dak ta’ Liam Sciberras, li minkejja illi huwa konxju tal-manuvri li għaddejjin, mhu jiddejjaq xejn jgħid li se jikkontesta. F’dan il-kaos kollu, ta’ GonziPN, qed jiedħu t-tapit minn taħt saqajn Grech anke fuq l-aħħar kontroversja politika: l-emendi għall-kodiċi kriminali fuq inkjesti maġisterjali. Tant illi l-kampanja kontra dawn l-emendi mhux qed titmexxa mill-PN, iżda minn ‘terzi’ li m’għandhom ebda kariga politika u jew amministrattiva fil-partit. L-istess kampanja qed tistrieħ fuq dawk li l-Avukat Franco Debono jiddeskrivi bħala “fossili” ta’ GonziPN: eks uffiċjali tal-istat bħallPrim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u bħalu Silvio Camilleri, fost oħrajn.
Min hu midħla ta’ dan is-suġġett jgħid illi minkejja dawn il-professuri kollha tal-liġi li ħarġu jikkritikaw l-emendi, ħadd minnhom ma ħareġ bi proposta waħda biex itejjeb din il-liġi. Il-pożizzjoni tal-PN dwar dawn l-emendi hija sempliċement kontra, b’ebda ħsieb politiku serju li jista’ jwassal għal titjib fil-liġi. Fil-fatt, il-poplu Malti mhux jara lill-Oppożizzjoni bħala Gvern alternattiv.
Kaos sħih politiku, iżda wkoll amministrattiv, li ilu jinħema. Ir-rivelazzjoni talPrim Ministru Robert Abela li l-PN approprja flus li kienu dovuti mill-istat bħala ħlas ta’ bolol tal-impjegati tiegħu hija biss parti minn problema ferm ikbar u wiesgħa. Apparti s-serq tal-flus mill-istat, il-PN għandu problemi kbar ta’ dejn illi diffiċli wieħed jgħid kemm huwa eżattament. Persuni midħla tal-problemi amministrattivi u finanzjarji tal-PN jgħidu li diffiċli ħafna tikkwantifika l-ammont ta’ dejn. “Il-bini mill-ġdid tadDar Ċentrali drained all the money – plus taħwid ieħor flamministrazzjoni għall-ħafna snin” jgħid sors li għal raġunijiet ovvji ma nistgħux insemmu. Il-qagħda kemm politika u finanzjarja huma tali li, xi darba jew oħra, il-problema se tisplodi.