Partijiet f’Wied Qirda se jkunu riġenerati minn Ambjent Malta wara li nqerdu minn nirien.
Fl-aħħar jiem, għal raġuni mhux magħrufa, parti mill-wied qrib il-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp, ħadet in-nar, li baqa’ jinxtered f’partijiet oħra tal-wied għal sigħat sħaħ.
Dwar il-ħsara li saret, ONE News tkellem mal-Kunsilliera ta’ Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi u Patrick Bonnici.
Huma spjegaw l-effetti ta’ dawn in-nirien fuq il-bijodiversità fl-akkwati.
Zammit Lupi rrimarka, “Bħala art inħaraq kważi medda ta’ 25 tomna. Kellek 10 tomniet minnhom il-pajsaġġ naturali tal-wied u anke xi għelieqi tal-madwar. Sfortunatament inħarqu xi siġar tal-ħarrub u anke tal-lewż fl-għelieqi tad-dawra fil-wied il-maġġor parti tal-ħruq kien fil-qasab u l-għollieq.”
Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar serji, hekk kif qrib l-akkwati li fihom feġġew in-nirien hemm il-kmamar tan-nar, partikolarment dik ta’ San Ġużepp li kienet għaddejja b’ħidma bla waqfien għall-festa ta’ din il-ġimgħa.
Il-Kunsillier sostna kif dan huwa ż-żmien opportun biex din il-parti tal-wied issa tiġi riġenerata.
Dwar dan ONE News tkellem ma’ Claudette Gambin minn Ambjent Malta.
Hija sostniet kif ix-xogħol, li jibda wara li tintemm l-inkjesta li qed issir biex tiddetermina l-kawża tan-nirien, jinkludi l-ewwel proċessi ta’ tindif tal-wied u xogħol strutturali tal-ħitan tas-sejjieħ, fost l-oħrajn.
Gambin spjegat, “Kif imbagħad naslu fi stat fejn aħna nkunu neħħejna dak il-materjal kollu tal-ispeċi aljeni invażivi, inkunu nistgħu nidħlu bit-tħawwil fejn inkunu nistgħu nħawlu dawn is-siġar u arbuxelli li huma ta’ Malta u adattati għaż-żona.”